Lokali

L-Oppożizzjoni tressaq numru ta’ mistoqsijiet dwar il-garanzija bankarja tal-Gvern lil konsorzju privat

L-Oppożizzjoni hi mħassba serjament u ressqet għadd ta’ mistoqsijiet wara li sar magħruf li l-Gvern ta garanzija bankarja ta’ €88 miljun lill-konsorzju privat li ngħata l-kuntratt biex jibni l-power station ġdida f’Delimara.

L-Oppożizzjoni saħqet li għandha mistoqsijiet kbar dwar dak li seħħ, iktar u iktar għaliex ma kienx il-Gvern stess li ħabbar dan imma l-istorja ġiet żvelata mill-gazzetti indipendenti, din id-darba minn The Sunday Times. Tenniet il-ħtieġa ta’ trasparenza u biex il-Gvern jippubblika d-dokumenti kollha marbuta ma’ dan il-proġett.

Sostniet li dak li għamel il-Gvern, ikkonfermat iktar tard mill-Ministru tal-Finanzi, hu mingħajr preċedent u għalhekk talbet li tingħata spjegazzjonijiet ċari.

L-Oppożizzjoni qalet li fl-ebda ħin ma l-Gvern semma li kien lest jagħti garanzija bankarja lil min jidħol għall-bini ta’ power station ġdida, u għalhekk kumpaniji li kkompetew ma’ dik li ngħatat il-kuntratt, ġew żvantaġġjati.

L-Oppożizzjoni staqsiet x’wassal biex il-Gvern kiser kull preċedent u ta garanzija biex jiġu ffinanzjati xogħlijiet minn konsorzju privat li daħal għalihom wara sejħa pubblika.

Staqsiet ukoll meta nħarġet din il-garanzija bankarja mill-Gvern u min awtorizzaha, kif ukoll x’aspetti tal-proġett tal-power station tkopri u x’inhuma t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha.

Staqsiet ukoll taħt liema ċirkustanzi jista’ l-bank idur fuq il-garanzija bankarja li ħareġ il-Gvern u taħt liema ċirkustanzi jista’ l-Gvern jinħeles mill-irbit tal-garanzija.

L-Oppożizzjoni tenniet li l-Prim Ministru rabat il-futur politiku tiegħu mat-tlestija fil-ħin ta’ dan il-proġett, u għalhekk b’konsegwenza t’hekk, qed jitħallas il-prezz biex il-Prim Ministru jżomm mal-wegħda politika tiegħu bi spiża lill-poplu.

Insistiet għalhekk li l-Gvern jippubblika kull dokument li għandu, marbut mal-għoti tal-kuntratt għall-bini ta’ power station f’Delimara, inkluż kull dokument marbut mal-għoti ta’ din il-garanzija bankarja.