Internazzjonali Sport

Minn stilla tal-futbol għal tallab … Kenny Sansom bżonn l-għajnuna

L-eks stilla tal-futbol Ingliż, Kenny Sansom, jirrikonoxxi li għandu bżonn l-għajnuna hekk kif ħajtu tkissret minħabba x-xorb u l-logħob tal-azzard.

Sansom żvela li jrid itemm ħajtu hekk kif għadu jikkumbatti mal-problemi tal-alkoħoliżmu u n-nuqqas ta’ dar. L-eksdifensur tal-Arsenal, illum ta’ 56 sena, spiċċa jorqod fil-ġonna tan-naħa t’isfel ta’ Londra wara li tilef daru u kull ma kellu minħabba l-logħob tal-azzard.

Ġie żvelat li Sansom qed jittallab lil ħbieb tiegħu biex jagħtuh pinnoli biex itemm ħajtu wara li ma jiflaħx iktar jgħix fil-kundizzjoni li jinsab fiha. Ftit ġimgħat ilu, l-eksstilla tal-futbol għadda l-lejl maqful f’ċella wara li l-Pulizija arrestatu minħabba ġlieda mat-tfajla tiegħu wara li kien fis-sakra.

kenny-sansom-footballer

Sansom kien irrappurtat li qal li jibda l-ġurnata tiegħu billi jixrob flixkun sħiħ inbid, segwit minn mediċina bit-tama li jħossu ħażin u li ma kienx jiflaħ iktar għall-problemi f’ħajtu. Waqt li saħaq li t-tort hu kollu tad-deċiżjonijiet żbaljati li ħa f’ħajtu, Sansom ammetta li lest li jaċċetta l-għajnuna biex joħroġ mill-problemi tiegħu, speċjalment wara li ra ritratti tiegħu rieqed fil-ġonna ta’ Londra. Saħaq li jittama li din id-darba, it-trattament li se jibda f’dawn il-ġranet isalvalu ħajtu.

Il-battalja ta’ Sansom max-xorb kienet dokumentata fid-dettall fl-awtobijografija tiegħu tal-2008, “To Cap It All…My Story”, li kien iddedikah lill-eksmara tiegħu Elaine li baqgħet l-ikbar imħabba ta’ ħajtu.

Sansom u martu kienu żżewġu meta hu kellu 20 sena u kellhom tliet itfal. Ripetutament kien saħaq li d-divorzju minn magħha kien kissru u li kien ix-xorb żejjed li kien jaħti għat-tifrik taż-żwieġ tagħhom.

Kien mar jgħix ma’ Denise Mullins, li kienet saret it-tfajla tiegħu wara l-firda minn ma’ martu, iżda l-problemi bix-xorb żejjed wasslu biex din keċċietu. Kien spiċċa jiddependi fuq l-għajnuna minn ħaddieħor biex isib fejn jorqod.

Fi żmien il-quċċata tal-karriera tiegħu, f’nofs is-snin 80, Sansom kien jaqla’ mal-€1,600 fil-ġimgħa u kien jgħix f’dar kbira tiswa mal-€1.4 miljun. Kien l-ewwel għażla għat-tim nazzjonali Ingliż għad-difiża fuq ix-xellug u kien rebaħ 86 cap bejn l-1979 u l-1988. Kellu wkoll iktar minn 300 preżenza fil-grawnd mal-Arsenal.

Sansom spiċċa minn mal-Arsenal meta kellu 29 sena u kien hawnhekk li ċeda quddiem il-problema tal-alkoħol. Ftit wara, tbiegħed mit-tliet uliedu u iktar tard, mill-ħames neputijiet.

Illum il-ġurnata kważi tilef il-caps kollha tat-tim nazzjonali wara li kellu jbiegħhom biex iħallas għax-xorb. Il-pensjoni tiegħu mill-Professional Footballers Association titlaq dritt fuq logħob tal-azzard.

n9UhZaH