Lokali Parlament

Mozzjoni mill-Oppożizzjoni biex jiġi rtirat l-Avviż Legali dwar it-twaqqif tal-Aġenzija għas-Sistema ta’ Infurzar Lokali

L-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti li l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2017 ma titħassarx

L-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, li fiha qed tinsisti li l-Avviż Legali 153 tal-2015, dwar it-twaqqif tal-Aġenzija għas-Sistema ta’ Infurzar Lokali, jiġi rtirat.

L-Oppożizzjoni qed tinsisti li dan l-Avviż Legali jiġi rtirat għaliex imur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, li tant huwa importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-mozzjoni kienet ippreżentata mill-President tal-Kamra, mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi, u l-Whip u Kelliem tal-Kunsilli Lokali, iż-Żgħażagħ u l-Isport, David Agius.

F’kummenti lill-media, David Agius qal li s-sistema tal-infurzar lokali, b’dan l-Avviż Legali, se tittieħed minn dawk eletti mill-poplu – kemm fuq livell ta’ reġjuni kif ukoll fuq livell lokali – u tgħaddi għand individwu magħżul mill-Ministru.
David Agius qal li din il-persuna ntgħażlet mingħajr konsultazzjoni la mal-Oppożizzjoni u lanqas mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

L-Oppożizzjoni nnutat ukoll li lanqas dwar l-Avviż Legali li ddaħħal mill-Gvern, ma saret ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.
Jason Azzopardi qal li dan l-Avviż Legali se joħloq periklu serju ta’ preferenzi u inġustizzji. Hu sostna li l-infurzar lokali m’għandu qatt jiġi mhedded b’xi forma ta’ inġustizzji bejn l-individwi, għaliex dan imur kontra l-prinċipju bażiku tal-istess infurzar.

Il-Viċi Kap Mario de Marco rrefera għad-dibattitu Parlamentari li ġie fi tmiemu lbieraħ filgħaxija, dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2017.

“Din hija liġi antidemokratika u antiliberali li żgur li ma ssaħħaħx il-prinċipju tas-sussidjarjetà,” sostna Mario de Marco. Hu fakkar li tibdil fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali dejjem sar bi qbil bejn iż-żewġ naħat, u mhux għax sempliċiment hekk ikun iddeċieda l-Gvern.

Dwar l-iskuża li qed iġib il-Gvern li teżisti electoral fatigue fost l-elettoral Malti u Għawdxi, Mario de Marco qal li r-rata għolja ta’ dawk li ħarġu jivvutaw fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali turi biċ-ċar li dak li qed jgħid il-Gvern mhuwiex minnu.