Lokali

Riskju għar-reputazzjoni u l-istandards tal-edukazzjoni f’Malta – MUT

Kevin Bonello - MUT

L-MUT preokkupata dwar l-Avviż Legali li jbiddel il-kriterji għall-ftuħ ta’ universitajiet f’pajjiżna

L-Avviż Legali li jbiddel il-kriterji għall-applikazzjonijiet biex tinfetaħ università ġdida f’Malta se jbiddel id-definizzjoni ta’ università sal-punt li l-entitajiet tal-akkreditazzjoni mhux se jkunu aktar f’pożizzjoni li jiżguraw li min jingħata l-liċenzja verament ikun qed imexxi università skont l-istandards stabbiliti.

Dan stqarritu l-Union Maltija tal-Għalliema (MUT) fi stqarrija li fiha tat ir-reazzjoni uffiċjali tagħha għall-Avviż Legali 150 tal-2015 li, qalet, uħud mill-emendi li fih jimminaw pilastri tal-edukazzjoni li ilhom stabbiliti snin twal.

Filwaqt li għamlitha ċara li bl-ebda mod mhi kontra li jinfetħu universitajiet ġodda f’pajjiżna – anzi fil-prinċipju qalet li taqbel ma’ dan – l-MUT sostniet li hi preokkupata b’uħud mill-klawsoli ta’ dan l-avviż legali.

Il-union qalet li tħoss li l-mod kif saru l-emendi aktar jagħti piż lill-potenzjal kummerċjali u ekonomiku għad-detriment tal-istandards akkademiċi u edukattivi.

Hija n-norma internazzjonali li entità li tingħata t-titlu ta’ Università tkun entità multidixxiplinarja b’fakultajiet differenti, tkun toffri programmi ta’ tagħlim, ikollha element qawwi u kontinwu ta’ riċerka, u jkollha element ta’ outreach fil-komunità fejn tkun stabbilita.

Imma fil-każ ta’ dan l-Avviż Legali, tkompli l-MUT, qed jiġu mwarrba tlieta minn dawn l-erba’ kriterji bl-applikant xorta jibqa’ eliġibbli biex jiġi akkreditat biex jiftaħ università f’Malta sakemm ikun jissodisfa mqar wieħed minn dawn il-kriterji. Jiġifieri l-applikant se jkun liberu li jaddotta biss element wieħed minn dawn.

Fir-realtà, tkompli l-istqarrija, dan potenzjalment se jfisser li Malta se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għal entitajiet kummerċjali mingħajr l-ebda funzjoni edukattiva sostanzjali biex joperaw bħala universitajiet.

Implikazzjoni oħra, tkompli l-union tal-għalliema, hi li pajjiżna se jkun qed iħaddem definizzjoni ta’ Università li hija differenti min-norma stabbilita fil-parti l-kbira tal- pajjiżi l-oħrajn – xi ħaġa perikoluża għax tpoġġi f’riskju r-reputazzjoni edukattiva ta’ Malta.

Barra minn dan, l-MUT tgħid li tiddubita kemm pajjiżna llum għandu biżżejjed riżorsi biex jissorvelja b’mod kontinwu dak li jkun qed jiġri fl-istituzzjonijiet kollha ta’ Edukazzjoni Ogħla.

L-MUT tiddikjara wkoll li hija mħassba li applikazzjonijiet għal status ta’ Università jiġu kkunsidrati wkoll “jekk l-applikazzjoni tkun fl-interess nazzjonali”. Dan, tgħid l-MUT, hu kompletament inaċċettabbli għax ifisser li l-liċenzji akkademiċi jistgħu jinħarġu fuq bażi ad hoc, irrispettivament mill-istandards akkademiċi internazzjonali.

L-MUT temmet tgħid li kienet tistenna li qabel jiddaħħal dan it-tibdil isir studju serju biex ikun żgurat li l-Università ta’ Malta, l-MCAST u l-ITS ma jitilfux studenti barranin għal istituzzjonijiet privati, speċjalment jekk dawn l-istess istituzzjonijiet privati jkunu essenzjalment ta’ natura kummerċjali.

Jekk jiġri dan, wissiet il-union, l-istituzzjonijiet edukattivi li għandna f’pajjiżna u li jgawdu minn tradizzjoni twila u reputazzjoni soda jispiċċaw f’diffikultajiet finanzjarji li jistgħu jagħmluha impossibbli għalihom li jkomplu joperaw b’suċċess.