Lokali

Sfreġju ambjentali f’żona Natura 2000 f’Għawdex

Ritratt : Is-sit fejn sar l-isfreġju ambjentali f’Għawdex

Żona ambjentali mħarsa u kklassifikata bħala Natura 2000 matul ix-xhur u l-ġimgħat li għaddew – sa minn Marzu li għadda – sfat il-mira ta’ persuna li għamlitilha ħsarat irreparabbli billi tefgħet fiha ammont kbir ta’ radam u terrapien sakemm issa wittieha bi trab biex l-isfreġju ambjentali li għamlet ma jagħtix daqstant fil-għajn.

Il-ġurnal in-Nazzjon żvela li dan l-attakk fuq l-ambjent ta’ pajjiżna sar fl-inħawi magħrufa bħala ‘Ta’ Slima’ fil-lokalità ta’ San Lawrenz f’Għawdex, fil-limiti tad-Dwejra.

Invista tat-trakkijiet mgħobbija bir-radam u t-terrapien deħlin minn ġewwa barriera għaz-zona fejn intefa’ dan il-materjal, saru għadd ġmielu ta’ rapporti lill-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp u l-Ħarsien tal-Ambjent (MEPA), iżda għal xi raġuni dawn ir-rapporti kienu lkoll injorati.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li mhux talli r-rapporti ripetuti li saru kienu injorati, iżda qatt ma nbagħat xi uffiċjal tal-MEPA fil-post biex dan l-isfreġju ambjentali jitwaqqaf qabel ma jkun tard wisq. Il-MEPA, għal xi raġuni, qatt ma ħadet bis-serjetà r-rapporti li waslulha bir-riżultat li sal-lum laħqet intradmet biċċa art kbira verġni u mill-isbaħ. Il-ħsara lill-ambjent tal-inħawi hi irreparabbli.

Nifhmu li kien lejn tmiem Marzu li għadda meta inġenji mdaqqsa dehru fl-inħawi jagħmlu xogħol ta’ skavar biex seta’ jittella’ l-pedament. Eventwalment fl-inħawi bdew deħlin trakkijiet kbar mimlija radam u terrapien li bdew iwittu l-parti f’din iz-zona magħrufa bħala ‘Ta’Slima’ fil-lokalità ta’ San Lawrenz li tiġi ftit biss ’il bogħod mid-Dwejra.

Kulħadd hu konxju li din iz-zona hi kklassifikata bħala ‘Natura 2000’, jiġifieri hi meqjusa bħala zona li fiha ma jista’ jsir l-ebda tip ta’ żvilupp, anzi l-area kollha trid tkun konservata u mħarsa.

Invista ta’ dan l-iżvilupp u fid-dawl tal-fatt li din l-area hi mħarsa minn ‘Natura 2000’, bosta kienu dawk li għamlu rapporti lill-MEPA biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli dan l-attakk ambjentali jitwaqqaf minnufih.

Madankollu minn dan kollu ma ġara assolutament xejn bir-riżultat li l-persuna li kienet qed tagħmel dan l-abbuż issuktat bl-isfreġju ambjentali tagħha.

Is-sors li tkellem ma’ In-Nazzjon kompla li fil-partijiet ta’ isfel fejn sar dan l-isfreġju ttella’ ħajt bi ċnagen tad-disgħa u faċilment l-għoli fin-naħa ta’ isfel hu ta’ madwar seba’ filati li llum intradmu kompletament bir-radam u t-terrapien li ntefa’ fihom u li dan l-aħħar tgħatta bit-trab biex ma jagħtix wisq fil-għajn.

Is-sorsi żiedu jgħidu lil In-Nazzjon li r-radam u t-terrapien użat biex intradmet din iz-zona kien materjal tal-kostruzzjoni li allura qered area ġmielha ta’ blat verġni, pjanti tas-sagħtar u bosta pjanti oħra… fi ftit kliem dan l-isfreġju qered kompletament il-fawna u l-flora tal-inħawi.

Is-sorsi komplew li huma ma għandhom l-ebda spjegazzjoni kif l-uffiċjali tal-MEPA ma intervenewx biex dan l-abbuż sfaċċat jitwaqqaf minnufih, anzi baqgħu passivi sal-punt li x-xogħlijiet baqgħu għaddejjin biex issa l-awtur ta’ dan l-isfreġju jidher li għandu f’moħħu li jiżviluppa mansab kbir għall-għasafar!

IMG_20150425_155417 (1)

Il-ħajt ta’ madwar seba’ filati li llum intradmu kompletament bir-radam u t-terrapien li ntefa’ fihom u li dan l-aħħar tgħatta bit-trab biex ma jagħtix wisq fil-għajn