Il-Ministru Bonnici mhux konxju ta’ din l-iskema u talab lix-Shadow Minister Chris Said iressaq mistoqsija parlamentari
Il-Gvern preżenti ma ħaddimx u jidher li waqqaf skema ta’ għajnuna li kienet titħaddem taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li biha kienet tingħata għajnuna finanzjarja lil persuni bi bżonnijiet speċjali li jikkontestaw l-elezzjonijiet f’pajjiżna. Jirriżulta li persuni bi bżonnijiet speċjali li kkontestaw elezzjonijiet f’pajjiżna fl-aħħar xhur, ma ngħatawx l-għajnuna mill-Gvern.
Dawn ir-rimarki lill-Gvern saru mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, li staqsa lill-Ministru Owen Bonnici jispjega u jgħid jekk twaqqfitx skema ta’ għajnuna u li biha persuni bi bżonnijiet speċjali li jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet f’pajjiżna jingħataw għajnuna finanzjarja li permezz tagħha l-kandidati jkunu assistiti minn persuni oħrajn biex ikunu f’pożizzjoni li jipparteċipaw ukoll fl-elezzjonijiet.
Chris Said appella lill-Gvern preżenti jerġa’ jdaħħal din l-iskema ta’ għajnuna li kienet tingħata fil-leġiżlatura li għaddiet taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
It-tweġiba tal-Ministru Owen Bonnici kienet li mhux konxju b’din l-iskema u l-għajnuna, u talab lix-Shadow Minister iressaq mistoqsija parlamentari dwar dan il-każ, u żied li se jimpenja ruħu biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lil dawn il-persuni.
Il-bżonnijiet tal-persuni bi bżonnijiet speċjali u s-sehem ta’ dawn il-persuni fl-elezzjonijiet f’pajjiżna, tqajmu waqt il-ħin tal-mistoqsijiet illejla fil-Parlament.
Diffikultajiet għal kunsillier bi bżonnijiet speċjali fiċ-ċerimonja tal-ġurament f’Dar il-Mediterran
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa lill-Ministru kienx konxju li Dar il-Mediterran mhix post aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà hekk kif semma l-każ ta’ kunsillier elett fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ li sab diffikultà fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurnament f’April ta’ din is-sena.
Il-Ministru Bonnici mhux konxju tad-diffikultajiet
Il-Ministru Bonnici wieġeb li ma kienx konxju li kien hemm xi diffikultajiet minn dan il-kunsillier li qal li ħa wkoll il-ġurament u li kien mar jifraħlu wkoll personalment.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li kien il-Viċi Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ, Alfred Grixti, li tkellem dwar dawn id-diffikultajiet ta’ dan il-kunsillier fuq il-media, bil-Ministru Bonnici jtenni li ma kienx konxju tad-diffikultajiet imsemmija.
Titwaqqaf skema oħra għall-Kunsilli Lokali dwar l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa wkoll lill-Ministru Owen Bonnici jgħid għaliex twaqqfet jew inbidlet l-iskema għall-aċċessibbiltà għall-postijiet pubbliċi miftuħa għall-Kunsilli Lokali, u jekk hemmx il-ħsieb li din terġa’ tiddaħħal, liema skema tħaddmet ukoll għal numru ta’ snin mill-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Ministru Bonnici wieġeb li fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà qatt ma tista’ tgħid li sar biżżejjed, u saħaq li l-iskema li ħarġet biex Kunsilli jressqu proġetti għall-għajnuna finanzjarja, ħadu wkoll kunsiderazzjoni ta’ dan is-settur.
//= $special ?>