Lokali

Xufiera tal-linja meħtieġa f’Malta b’mod urġenti …anke mill-Italja

Malta llum spiċċat fl-aħbarijiet ta’ aġenzija Taljana tal-aħbarijiet, AdnKronos, minħabba li skont hi, is-servizz tat-trasport pubbliku Malti għandu bżonn b’mod urġenti 250 xufier tal-linja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet kienet qed tistieden lil xufiera prospettivi Taljani, biex jekk għandhom il-liċenzja D u jafu jitkellmu tajjeb bl-Ingliż, japplikaw sat-8 ta’ Lulju li ġej.

AdnKronos spjegat li s-CV professjonali jrid jintbagħat bl-Ingliż lil eures@regione.puglia.it jew lil hrd@publictransport.com.mt.

Fakkret li fost ir-responsabiltajiet tax-xufiera li jintagħżlu hemm li jwasslu lill-passiġġieri fuq ir-rotot kollha tal-gżira, jirrispettaw il-ħinijiet tar-rotot, jassiguraw is-sigurtà tal-passiġġieri u ta’ persuni terzi billi jevitaw inċidenti, iżommu t-trankwillità tal-passiġġieri, jżommu f’ordni tajba l-karozza tal-linja, jaraw li l-passiġġieri kollha jkollhom biljett, jippreparaw rapporti dwar dak li jkun seħħ waqt ħin ix-xogħol, jirrappurtaw nuqqasijiet u jgħinu lill-passiġġieri.

Fuq is-sit elettroniku tas-servizz tat-trasport pubbliku, il-kumpanija f’Malta qed tirreklama l-post vakanti għal xufiera tat-trasport pubbliku bir-rata ta’ €6 is-siegħa flimkien ma’ sahra ogħla u benefiċċji oħrajn.

malta buses