Mietu seba’ pazjenti u tqiegħdu 2,500 pazjent fl-ispazji ta’ barra s-swali
Minkejja l-wegħdiet tal-Partit Laburista li kellu s-soluzzjonijet lesti għall-isfidi fis-settur tas-saħħa, sa April li għadda u wara sentejn ta’ dan il-Gvern Laburista, is-sodod bil-pazjenti fil-kuridur twil u wiesa’ tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei kienu għadhom qed jokkupaw medja ta’ 43% ta’ dan l-ispazju ta’ dan il-kuridur.
Jirriżulta li bejn Jannar tas-sena l-oħra u April li għadda, il-medja ta’ sodod bil-pazjenti f’dan il-kuridur partikolari kienet ta’ 43%. Hu konfermat ukoll li fil-kuriduri barra s-swali mietu seba’ pazjenti u tqiegħdu 2,500 pazjent fl-ispazji ta’ barra s-swali tal-Isptar fl-istess perjodu.
Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, meta wieġeb mistoqsijiet parlamentari tax-Shadow Minister Claudette Buttigieg.
Meta wieġeb dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Konrad Mizzi għażel li jagħti wkoll informazzjoni li ma kinitx mitluba dwar l-2012, meta qal li mietu tmien persuni barra s-swali u skont hu ddaħħlu 8,118-il pazjenti għall-kura barra s-swali.
//= $special ?>