Kien hemm attentat terroristiku fit-tempju ta’ Luxor, u matulu ndarbu erba’ persuni.
Terrorista nqatel hekk kif sploda lilu nnifsu quddiem it-Tempju ta’ Karnak filwaqt li żewġ terroristi oħra nqatlu mill-forzi tas-sigurtà fil-post. Kien hemm erba’ persuni oħra li ndarbu iżda ħadd minnhom ma kien turist.
L-indikazzjonijiet kollha huma li dan l-attakk twettaq minn militanti Iżlamiċi.
Jidher li kollox seħħ fil-parkeġġ tas-sit storiku meta t-terroristi ppruvaw jidħlu minn check-point tal-forzi tas-sigurtà Eġizzjani li jinsab madwar 500 metru bogħod mit-tempju proprju.
Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm żewġ uffiċjali tal-Pulizija li nqatlu tul triq qrib il-Piramidi ta’ Giza.
Din mhix l-ewwel darba li t-tempju ta’ Luxor spiċċa fil-mira. Fl-1997, militanti Iżlamiċi kienu qatlu aktar minn 60 persuna, fil-maġġoranza tagħhom turisti, li kienu qed iżuru t-Tempju ta’ Hatshepsut tul ix-Xmara Nil.
Attakk suwiċida fit-tempji ta’ Luxor


