Lokali

Filmat: 17-il sena mit-twelid ta’ NET Television

Bħal-lum 17-il sena beda jxandar għall-ewwel darba NET Television, bl-ewwel xandira tkun l-ewwel bulettin ta’ NET News. NET Television beda bl-ewwel xandira tiegħu fil-gurnata li bdiet it-Tazza tad-Dinja tal-1998 fi Franza, b’NET Television kien anke xandar esklussivament u b’mod dirett il-partiti ewlenin.

17-il sena ilu sar żvilupp interessanti u importanti fl-istorja tal-media f’Malta, ftit snin wara li l-prinċipju tal-pluraliżmu fix-xandir iddaħħal minn Gvern Nazzjonalista u beda jitħaddem f’pajjiżna. Wara li l-Partit Nazzjonalista kien diġà waqqaf ir-radju, sar il-pass li jmiss biex il-Partit ikollu l-istazzjon televiżiv.

17-il sena ta’ storja, li matulhom NET Television u NET News segwew l-iżviluppi li għamel pajjiżna u avvenimenti kbar li seħħew, fosthom elezzjonijiet, Referenda, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u aktar tard id-dħul fiż-Żona Ewro, iż-żjarat mill-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI, iċ-CHOGM, avvenimenti sportivi, aħbarijiet mix-xena internazzjonali u oħrajn.

Minn dak iż-żmien, il-kumpanija Media.Link Communications żviluppat bħala l-akbar kumpanija fil-qasam tax-xandir f’Malta għax minbarra NET Television u Radio 101, għandha wkoll fi ħdanha l-portal tal-aħbarijiet MaltaRightNow.com u l-gazzetti In-Nazzjon u Il-Mument.