Internazzjonali Kurżitajiet

FILMAT : Fejn hu l-limitu ta’ ċajta goffa?

Fl-Awstralja, ċajta minn żgħażagħ fit-triq marret ftit iktar ’il bogħod minn dak li stennew, u iktar tard iċ-ċajta daret fuq min għamilha tant li ħafna spiċċaw jistaqsu sa fejn għandu jasal il-limitu taċ-ċajt.

Mark u Richy, li jsejħu lilhom infushom The Royal Stempede, kienu qed jiffilmjaw lil seħibhom Michael, liebes kostum ta’ fenek, li kien aċċetta li jistaħba wara kantuniera u joħroġ għall-għarrieda fuq nies mexjin biex jagħtihom qatgħa.

Michael ta’ qatgħa lil tfajla u missierha li kienu kważi waslu ħdejh meta r-raġel, li kien ibati b’kundizzjoni tal-qalb, tah attakk tal-qalb. Ir-raġel ittieħed b’ambulanza lejn l-isptar u fil-filmat, Michael jidher iddispjaċut immens b’dak li seħħ. Mar warajh l-isptar u sħabu baqgħu jiffilmjaw meta bint ir-raġel ħarġet tgħid liż-żagħżugħ li missierha kien miet.

Fil-filmat jidher ċar li Michael hemmhekk infixel b’mod qawwi, tbikkem u beda jħossu ħati li kien qatel lil xi ħadd, meta missier it-tfajla ħareġ fuq saqajh jitbissem għax din id-darba ċ-ċajta għamluhielu huma.

Michael tar għal fuqu, jgħannqu, u għamel jumejn ma riedx ikellem lil sħabu li kienu wara ċ-ċajt kollu. Dan kollu seħħ f’Adelaide, fid-29 ta’ Mejju, imma l-filmat ġie ppubblikat issa wara li l-effett taċ-ċajta għadda u t-tlett iħbieb reġgħu lura għal li kienu. Ħafna madankollu kkummentaw dwar il-fatt li għandu jkun hemm limitu għal ċajt goff għax din id-darba jistgħu jgħodduha b’waħda, drabi oħra, min jaf…