Ambjent Lokali

F’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Front Ħarsien ODZ b’appell ieħor biex Muscat jippubblika l-ftehim

Il-Front Ħarsien ODZ għamel it-tieni appell tiegħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jippubblika kull ftehim mal-iżviluppatur tal-Università li se tinbena mill-Ġordaniżi f’Żonqor. Dan wara li l-ewwel appell ġie injorat għal kollox mill-Prim Ministru.

Dan l-appell sar hekk kif membri tal-Front Ħarsien ODZ dalgħodu ltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u numru ta’ Membri Parlamentari oħra tal-Oppożizzjoni fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Il-Front wera l-apprezzament tiegħu li l-Partit Nazzjonalista qed jaqbeż għaż-żoni barra mill-iżvilupp, filwaqt li appella biex is-Sibt, 20 ta’ Ġunju, anke l-Prim Ministru nnifsu jingħaqad fil-protesta nazzjonali kontra l-bini tal-Università fiż-Żonqor

Il-kelliem tal-Front Michael Briguglio qal li l-preżenza ta’ Muscat għal din il-protesta nazzjonali turi li il-wegħdiet ta’ qabel l-elezzjoni li Malta hi Tagħna Lkoll u li dan se jkun Gvern li jisma’, qed jitwettqu verament. Kompla li dan il-proġett għandu jitwaqqaf imma jekk le, il-Front mhux se jieqaf biss b’din il-protesta nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil faħħar l-inizjattiva tal-membri tal-Front Ħarsien ODZ, li ħadu din “id-deċiżjoni kuraġġjuża”. Qal li ladarba l-Front qed imexxi hu din il-kwistjoni nazzjonali, l-Oppożizzjoni lesta tieħu pass lura. “L-interess tagħna hu li ż-Żonqor ikun salvat, ikun min ikun li jmexxi din il-kwistjoni”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Filwaqt li qal li “m’aħniex hawn biex nieħdu l-prosit”, Simon Busuttil fakkar li se jattendi għall-protesta nazzjonali bħala ċittadin, filwaqt li appella biex aktar nies jagħmlu bħalu.

Min-naħa l-oħra, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli fakkret li t-Tnejn li ġej, fuq talba tal-Oppożizzjoni, se jiġi diskuss rapport tal-MEPA dwar dan il-proġett. Hi esprimiet it-tama tal-Oppożizzjoni li t-Tnejn jingħataw ir-risposti mill-Gvern, filwaqt li estendiet l-istedina biex anke membri tal-Front ikunu preżenti u jressqu l-mistoqsijiet tagħhom.

james debono u michael briguglio front odz

front odz 2