Il-Kummissjoni Ewropea għadha m’approvatx l-għoti ta’ garanzija bankarja mill-Gvern Malti lill-konsorzju Electrogas Malta, għal €88 miljun għall-proġett tal-power station ġdida f’Delimara.
Il-ġurnal The Times, li kixef l-għoti tal-garanzija bankarja mill-Gvern u li iktar tard ġiet ikkonfermata mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, żvela li l-Kummissjoni Ewropea tinsab f’kuntatt mal-Gvern Malti biex tevalwa l-għoti tal-garanzija bankarja u jekk din taqax taħt l-għajnuniet meqjusa diretti mill-istat.
Il-konsorzju Electrogas ċaħad li talab il-garanzija bankarja lill-Gvern minħabba nuqqas ta’ fondi u spjega li l-proġett se jwasslu, skont il-qafas stabbilit fil-kuntratt li għandu mal-Enemalta. Insista li m’hemm ebda nuqqas ta’ flus u kif l-UE tagħti l-approvazzjoni tagħha, l-iffinanzjar fit-tul għall-proġett ikun hemm.
Kelliem għall-konsorzju qal li dak li sar hu kompletament legali taħt ir-regolamenti tal-UE sakemm Electrogas iħallas miżata lill-Gvern li tkun qrib it-tfaddil li seta’ għamel il-konsorzju minħabba l-garanzija bankarja. Spjega li dan il-ħlas sar f’Diċembru li għadda.
.
//= $special ?>