Lokali Parlament

Il-Ministru Konrad Mizzi u martu Sai “mitlufin”

L-Oppożizzjoni tinsisti fil-Parlament li l-Ministru Konrad Mizzi jkun fil-Parlament u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar materja ta’ attwalità politika importanti

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ Konrad Mizzi, Chris Fearne, kif ukoll il-Whip tal-Grupp Palamentari tal-Gvern Godfrey Farrugia, ma kinux jafu fejn hu l-Ministru Konrad Mizzi u għal liema raġuni ma kienx preżenti fil-Kamra biex iwieġeb hu fil-Parlament il-mistoqsijiet lil sarulu bil-miktub mill-Oppożizzjoni u jkun jista’ jwieġeb għall-mistoqsijiet supplimentari tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-bidu tas-seduta tal-lejla, insista mal-Gvern biexx xi ħadd iwieġeb u jispjega għaliex il-Ministru Konrad Mizzi mhux qiegħed hu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni fil-Parlament fuq materja ta’ attwalità politika importanti.

Simon Busuttil staqsa direttament lis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, li hu Segretarju Parlamentari taħt il-Ministru Konrad Mizzi, u lill-Whip tal-Grupp tal-Gvern Laburista Godfrey Farrugia, jgħidu r-raġunijiet għaliex ma kienx preżenti u jgħidu wkoll għal liema raġuni mhux qiegħed fil-Kamra.

Kemm is-Segretarju Parlamentari Fearne kif ukoll il-Whip tal-Gvern, ma kinux jafu jwieġbu, bil-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN Beppe Fenech Adami jirrimarka mal-Ispeaker li issa għandna Ministru tal-Gvern mitluf u l-mara tal-istess Ministru mitlufin u ħadd ma jaf fejnhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qiegħed iressaq numru ta’ mistoqsijiet b’rabta ma’ tweġibiet bil-miktub li ta l-Ministru Konrad Mizzi għal mistoqsija tax-Shadow Minister Jason Azzopardi b’rabta ma’ żjarat li għamel il-Ministru Konrad Mizzi fl-Ażerbajġan, fejn matul is-sena li għaddiet saru tliet vjaġġi lejn dan il-pajjiż, bl-aħħar waħda l-Ministru Mizzi kien ukoll akkumpanjat mill-Prim Ministru li wkoll ma kienx preżenti fil-Kamra għas-seduta tal-lejla.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li mhux aċċettabbli li l-Oppożizzjoni ma tingħatax tweġibiet fil-Parlament mill-Gvern b’rabta ma’ żjarat li saru u li ftit wara l-Awditur Ġenerali ddikjara li kien hemm indħil ministerjali f’xiri li sar għal żejt mill-kumpanija tal-Gvern tal-Ażerbajġan fejn l-Enemalta tilfet €14-il miljun.

Għal aktar mistoqsijiet kemm tal-Kap tal-Oppożizjzoni, tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, u tax-Shadow Minister Marthese Portelli dwar iż-żjarat tal-Gvern fl-Ażerbajġan, fosthom ukoll żjara li dwarohm ħadd ma kien jaf u li ma ttelgħu ebda uffiċjali pubbliċi oħrajn għal-laqgħat tal-Gvern Malti mal-Ażerbajġan, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne wieġeb biss biex il-mistoqsijet isiru bil-miktub.

Il-membri tal-Gvern irrimarkaw fost diversi insulti oħrajn fil-konfront tal-Oppożizzjoni, li l-Oppożizzjoni ma qalitx li se tkun qed tagħmel żjara fiċ-Ċina, bir-risposta tal-Oppożizzjoni kienet li ż-żjara li se tagħmel l-Oppożizzjoni fiċ-Ċina mhix se tkun imħallsa mill-fondi pubbliċi.