Il-Papa Franġisku kellu kliem iebes dwar rapporti ta’ ċerti nies li jsostnu li jkunu qed jaraw xi dehra reliġjuża tal-Madonna ta’ spiss.
Waqt il-quddiesa ta’ kuljum li jmexxi fil-Vatikan, hu qal li dawn l-affarijiet ma kellhomx x’jaqsmu mal-identità Nisranija.
Hu qal dan hekk kif fil-ġranet li ġejjin il-Vatikan se joħroġ il-pożizzjoni uffiċjali tiegħu dwar l-allegati dehriet tal-Madonna f’Medjugorje, fil-Bosnja, wara snin ta’ investigazzjoni.
Il-Papa qal li ma tantx kienet iddoqqlu li l-Madonna tagħti appuntament tal-ħin ta’ meta se tidher għalkemm hu ma semma ebda każ speċifiku.
Din mhix l-ewwel darba li l-Papa Franġisku esprima x-xettiċiżmu. Waqt omelija simili fl-14 ta’ Novembru tal-2013, kien stqarr li l-Madonna kienet tħobb lil kulħadd u ma kinitx kap ta’ uffiċċju tal-posta li kuljum tibgħat messaġġ lil xi ħadd speċifiku.
Il-Papa, fi tmiem il-ġimgħa, żar il-Bosnja u informa lill-ġurnalisti li akkumpanjawh li dalwaqt kien se joħroġ rapport tal-Vatikan dwar il-każ ta’ Medjugorje.
Il-Papa dwar id-dehriet
