Raġel fiċ-Ċina reġa’ ngħaqad m’ommu wara 29 sena mifruda.
Dak li llum jismu Jiang Ming, ta’ 37 sena, oriġinarjament Lan Junjun, infirex minn ma’ ommu meta kien qed jilgħab fi stazzjon tal-ferrovija meta kellu 8 snin u spiċċa nġarr għal fuq il-ferrovija li ħaditu 350 kilometru ’l bogħod. Kien spiċċa jgħix għal ftit żmien fit-toroq meta koppja mingħajr tfal ratu u ddeċidiet li trabbih.
Ir-raġel qal li qatt ma fittex lil ommu biex ma jagħtix dispjaċir lill-ġenituri adottivi tiegħu imma qrib Jum l-Omm, meta ra ħafna messaġġi fuq il-midja soċjali minn nies jawguraw lil ommhom, kiteb fuq il-paġna tal-Pulizija jitolbuh jgħinhom.
Kien jiftakar isem ommu, li kien biżżejjed biex il-Pulizija sabu lil ekskollega tagħha li tahom id-dettalji kif jikkuntattjawha.
Omm ir-raġel, Deng Shaoxiang, illum ta’ 63 sena, kellha l-isbaħ Jum l-Omm li qatt kellha f’għomorha meta wara daqstant snin irnexxielha terġa’ tgħannaq lil binha. Saħqet li qatt ma mmaġinat li kienet se terġa’ tara lil binha f’din il-ħajja.
Il-Pulizija ppreparaw lill-omm billi bagħtulha r-ritratt tar-raġel kif inhu llum, permezz ta’ applikazzjoni fuq it-telefon ċellulari. Malli ratu, l-omm għajtet “dak ibni!”. Ħareġ li meta t-tifel intilef, kien jgħix ma’ ħuha li maż-żmien kienet qatgħet kull kuntatt miegħu.
//= $special ?>

