L-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin, li tiġbor fi ħdanha iktar minn 200 għaqda Għawdxija, appellat lill-Ministeru għal Għawdex biex jippubblika r-riżultati tal-iskema għall-għaqdiet mhux governattivi li għalqet fi Frar.
L-Assoċjazzjoni qalet li numru ta’ għaqdiet huma mħassba dwar din l-iskema peress li meta kienet miftuħa, ma ssemmewx il-kriterji li bihom kellhom jiġu deċiżi l-għotjiet u lanqas ingħata perjodu ta’ żmien kif soltu jsir fi skemi oħra finanzjarji tal-Gvern.
Qalet ukoll li ppruvat tikkomunika mal-Ministeru għal Għawdex u titlob informazzjoni biex tiċċirkolaha mal-membri tagħha imma s’issa qatt ma ngħatat risposta. Appellat lill-Ministeru għal Għawdex ukoll biex ikun trasparenti mas-soċjetà ċivili Għawdxija “għax din ilha nieqsa għall-aħħar sentejn”.
F’ittra lis-Segretarju Permanenti John Borg, l-Assoċjazzjoni qalet li l-iskema ta’ €50,000 għalqet fit-13 ta’ Frar imma għaddew erba’ xhur minn dakinhar u l-għaqdiet Għawdxin għadhom sal-lum ma jafux min ikkwalifika għall-għotjiet u għalhekk huma mħassba.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, Ryan Mercieca, qal li l-għaqdiet qed jistaqsu meta r-riżultati mistennija jitħabbru b’mod pubbliku, kif saret il-proċedura ta’ evalwazzjoni u kemm se jingħataw fondi mill-€50,000 allokati.
//= $special ?>