L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti f’Malta, l-MHRA, qalet li waqt li tilqa’ r-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, qed tħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli jraħħashom ladarba l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt raħsu u l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-enerġija żdiedet.
Waqt l-analiżi ta’ kull tliet xhur tal-MHRA, il-President tagħha Tony Zahra staqsa wkoll għaliex biż-żieda kontinwa fil-wasliet tat-turisti f’Malta, l-Air Malta għadha ġġarrab telf sostanzjali. Qal li xi ħadd irid ikun responsabbli mill-pjan ta’ ristrutturar, li sewa lill-kumpanija €230 miljun u li s’issa jidher li setgħu ntefqu aħjar.
Zahra wera tħassib ukoll għaż-żieda fl-akkomodazzjoni privata, bħal Airbnb, hekk kif qal li bħal f’barra minn Malta, qed jiżdiedu t-turisti li joqgħodu btala itwal f’akkomodazzjoni privata minflok li jagħżlu li joqgħodu f’lukandi. Ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jassigura li ħadd ma jiġi żvantaġġjat, u jekk il-lukandi għandhom iħallsu liċenzji u jħarsu regolamenti partikolari, anke l-akkomodazzjoni privata għandha tagħmel dan.
Appella lill-Gvern biex jaħdem iktar biex iħares l-industrija turistika u rrefera għax-xogħlijiet fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta u qal li t-turisti li jaslu hemm probabli jistaqsu jekk waslux f’xi pajjiż tal-Istat Iżlamiku.
Ir-rappreżentant ta’ Deloitte, David Bonnett, spjega li ċ-ċifri għall-ewwel kwart tas-sena juru titjib għas-settur tal-lukandi hekk kif it-turisti komplew jiżdiedu. Il-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel kellhom l-ewwel profitti f’ħames snin għall-ewwel kwart tas-sena.
//= $special ?>