Lokali Parlament Saħħa

Mediċina togħla b’25%

Il-mediċina Nortrilen 10 mg li tingħata għall-kura kontra d-dipressjoni, fl-aħħar ġimgħat għoliet sostanzjalment b’aktar minn 25%.

Dan kien konfermat ukoll mill-Uffiċċju tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur li spjega li dan hu riżultat ta’ żieda fil-prezz tal-manifattur.

Iż-żieda fil-prezz ta’ din il-mediċina kienet konfermata mill-Ministru Helena Dalli, responsabbli mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur meta wieġbet mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.

Fil-Parlament, ix-Shadow Minister staqsa dwar ir-raġuni ta’ din iż-żieda fil-prezz ta’ din il-mediċina li jirriżulta li għoliet b’€2.10ċ – minn €6.10ċ għal €8.20ċ. Staqsa wkoll x’passi ħadet it-Taqsima tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq din iż-żieda.

Il-Ministru Helena Dalli spjegat li l-Uffiċċju għall-Konsumatur qabbel il-prezz bl-imnut irrakkommandat mill-importatur, mal-prezz ta’ referenza (maħdum mill-prezzijiet bl-imnut tal-prodott f’numru ta’ pajjiżi Ewropej) sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-għoli fil-prezz hux ġustifikat.

F’dan il-każ, qalet il-Ministru Dalli, instab li l-prezz hu inqas mill-prezz ta’ referenza.