Il-Ministru Carmelo Abela għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika
Il-Ministru Carmelo Abela jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-indħil politiku li wassal lil żewġ persuni b’sentenza kriminali jiġu impjegati bħala rekluti ġodda fid-Dipartment tal-Protezzjoni Ċivili.
Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN u Shadow Minister għall-Intern, ippreżenta fil-Parlament is-sentenza tal-Qorti li tikkundanna lil Johnatan Callus u lil Natalino Spiteri, li ftit taż-żmien ilu l-Ministru Abela ferħilhom u ħadilhom b’idejhom u laqagħhom fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Beppe Fenech Adami qal li dawn iż-żewġ persuni kienu fost tliet kwarti tar-rekluti ġodda li ddaħħlu u qabżu u ħadu post numru kbir ta’ voluntiera b’servizz twil fil-korp tal-voluntiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li tħallew l-art.
B’riferenza għas-sentenza tal-Qrati fil-konfront ta’ Jonathan Callus u Natalino Spiteri, Beppe Fenech Adami qal li dawn “il-partners in crime” li llum huma “partners fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili”, kienu akkużati li għamlu użu ħażin u taw ismijiet foloz, iffrodaw l-insurance b’qerq u ddistruġġew oġġetti – karozzi tagħhom stess – u għamlu claim lill-insurance iżda nqabdu u tressqu b’akkużi kriminali u l-Qorti sabithom ħatja.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati ngħatat fl-20 Ottubru tal-2006 u kienet sabet ħatja tliet persuni fosthom Jonathan Callus u Natalino Spiteri. Il-Qorti kienet qalet li tqis l-azzjoni tal-akkużati bħala azzjoni viljakka ta’ Jonathan Callus intiża biex tinganna lill-pulizija. Sentenza wkoll li kkundannat l-attitudni ta’ Johnatan Callus li qisu xejn mhu xejn għall-fatt li qarraq bl-insurance basta ma jbatix telf personali għalih innifsu.
Beppe Fenech Adami qal ukoll li l-Qorti kienet ordnat interdezzjoni ġenerali għal perjodu ta’ ħames snin u llum qed inserrħu rasna li hu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN qal li din hi s-sitwazzjoni li l-Gvern Laburista ġab il-pajjiż fih. Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ma jistax jaħdem bl-indħil politiku.
Il-Ministru llum ma jistax jibqa’ jwaħħal f’ta’ qablu
Għar-rimarki tal-Ministru Carmelo Abela li kien preżenti fil-Parlament, Beppe Fenech Adami appella lill-Ministru jerfa’ r-responsabbiltà u ma jidħakx. Il-Ministru llum ma jistax jibqa’ jwaħħal f’ta’ qablu għaliex issa ilu hemm ix-xhur u għandu jkun kontabbli tal-għemil tiegħu.
Ikkritika bil-qawwa lill-Ministru li daħħal fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili nies li ma ħaqqhomx ikunu membri, ħoloq inġustizzja kbira u talbu li jmur jitkellem mal-voluntiera li l-uniku ħtija tagħhom hi li ma marrux għand xi ministru li wrihom kif jagħmlu biex jidħlu fid-Dipartiment kif għamlu tliet kwarti ta’ dawk li ġew reklutati.
Semma li n-numru kbir fil-korp volontarju tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huma rrabjati għax ġew ittraduti għaliex dak li seħħ mhuwiex fl-interess tal-Protezzjoni Ċivili.
L-akbar skandlu ta’ kif jingħataw il-jobs for votes
Talab lill-Ministru Abela jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li seħħ fejn numru ta’ nies saru membri meta ma ħaqqhomx. Jerfa’ r-responsabbiltà għall-mod kif inbidlu l-kriterji tal-etajiet għal min applika biex jiġu akkomodati l-ftit; u wkoll jerfa’ r-responsabbiltà ta’ membri fid-Dipartiment li huma kriminali.
“Dan hu l-akbar skandlu ta’ kif jingħataw il-jobs for votes u ta’ kif irnexxielna ngħeżżu wkoll is-sisien tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili”, qal Beppe Fenech Adami.
Irrimarka wkoll li minkejja li kien hemm iswed fuq l-abjad li kull rekluta kellu jkun ta’ karattru morali tajjeb u kondotta tajba, għandna Ministru li mar jifraħ u jagħti ċ-ċertifikati lil nies kundannati mill-qorti b’sentenza kriminali.
Fil-Parlament, Beppe Fenech Adami ppreżenta d-dokumenti kollha li rrifera għalihom fid-diskors tiegħu, fosthom ir-ritratti tal-Ministru jieħu b’idejn ir-rekluti b’sentenza kriminali tal-Qorti, kopja tas-sentenza tal-Qorti, u l-avviż li deher fil-gazzetta tal-Gvern fl-aħħar ta’ Jannar tas-sena l-oħra fejn saret is-sejħa għar-rekluti mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-kriterji li ġew stabbiliti li Beppe Fenech Adami fissirhom bħala ħadma biex jinqdew dawk tal-qalba u qrib il-Partit Laburista.
Filwaqt li sellem lill-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li tneħħa mill-Prim Ministru wara l-elezzjoni, Beppe Fenech Adami qal li sfortunatament, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili taħt dan il-gvern ukoll hemm indħil politiku.
Sejjaħ il-proċess ta’ rekluti ġodda fid-Dipartiment bħala eżerċizzju li ma kien xejn ħlief “work for votes” – eżerċizzju fejn jingħata job lil min kien imwiegħed; lil min il-Partit Laburista kellu obbligazzjoni u mhux għaliex kien jistħoqqlu u jimmeritah l-impjieg.
Kollox maħdum bizzilla bl-età wkoll togħla sa 55 sena
Elenka l-kriterji li ġew stabbiliti u li kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-Gvern għal dawn ir-rekluti ġodda, fosthom il-kriterju li trid tkun għalaqt it-18-il sena u mhux aktar minn 55 sena. Sejjaħ din is-sejħa ta’ applikazzjonijiet bħala waħda maħduma bizzilla, bl-età togħla għal 55 sena.
Irrimarka li mkien fid-dinja ċivilizzata, imkien fejn hemm Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili serju fejn trid issir ħidma ta’ salvataġġ u ħidma kontra n-nirien, ma jkollok età li testendi sa 55 sena.
Beppe Fenech Adami qal li dan hu eżempju ieħor ta’ kif kull ma jagħmel dan il-Gvern, hemm ħadma maħduma bizzilla. Wissa iżda li l-Gvern għandu quddiemu Oppożizzjoni li tikxef kull ħadma mill-Gvern.
Semma wkoll li kien hemm kriterji importanti oħra li kienu miksura sfaċċatament – dawk marbuta mal-karattru morali tajjeb u l-kriterju tal-preżentazzjoni tal-kondotta tal-pulizija.
Lil kull min riedu jdaħħlu bagħtuh jirreġistra bħala voluntier
Tal-mistħija wkoll kienet il-ħadma li saret fuq il-kriterju stabbilit li tingħata preferenza lil min ikollu esperjenza fil-qasam tas-salvataġġ u l-assistenza.
Beppe Fenech Adami qal li lil kull min wiegħdu li se jidħol fil-Dipartiment, bagħtuh jirreġistra bħala voluntier u bi skuża ta’ ftit xhur bħala voluntier, ġie preferut fuq min kien ilu s-snin u anke 10 snin jagħti servizz bħala voluntier.
Semma wkoll li kienu ħafna l-voluntiera li applikaw u marru għall-interview, iżda kienu ftit ħafna li ntagħżlu. Spjega li dwar dan gergru wkoll voluntiera Laburisti ġenwini li kienu ilhom is-snin fis-servizz tal-korp tal-voluntiera.
Semma wkoll li kien hemm tliet persuni li huma viċin ħafna tal-Partit Laburista, li kienu aċċettati fl-età ta’ 55, 50 u 52 sena. Dawn ukoll kienu taparsi voluntiera, iżda li fl-età ‘avvanzata’ tagħhom saru membri tal-Protezzjoni Ċivili fl-istess żmien li qed ngħaddu liġi fil-Parlament li min jagħlaq 55 sena jiġi intitolat għall-pensjoni bħalma jgawdu wkoll il-membri fil-Pulizija u fl-Armata.
Beppe Fenech Adami rrepeta li f’dak kollu li jagħmel dan il-Gvern hemm ħadma. Meta estendew l-età tad-dħul kienet ukoll ħadma biex jidħlu tlieta minn nies viċin il-Partit Laburista.
Semma lil Rene Xuereb, li l-kwalifiki tiegħu kienu li jippoza ma’ Muscat u jieħu sehem fil-video tal-kanzunetta ‘Malta Tagħna Lkoll’.
David Caruana li l-kredenzjali tiegħu hi li jiftaħar li “I’m In” fil-Protezjzoni Ċivili, kif kienet l-għajta fil-kampanja elettorali tal-PL ta’ “I’m In”. Dan ukoll intbagħat jirreġistra bħala voluntier fil-Protezzjoni Ċivili biex jaqbeż nies oħrajn voluntiera onesti.
Hemm ukoll Joseph Fava, li kredenzjali tiegħu kienu li hu cameraman tas-Super One u li llum sab postu wkoll mal-Gvern.
Każ ieħor ta’ Tagħna Lkoll kien dak ta’ Cadrick Tabone, li s-sieħba tiegħu taħdem f’Kastilja u għalhekk ukoll kellu l-kredenzjali fl-ispirtu ta’ ‘Tagħna Lkoll’, tal-meritokrazija u tat-trasparenza biex jaqbeż lil kulħadd.
Appell lill-Ministru Abela biex jiċċekkja x’għamel il-Ministru ta’ qablu
Quddiem dawn il-fatti kollha, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, appella lill-Ministru Carmelo Abela jiċċekkja x’għamel il-Ministru ta’ qablu għax dejjem hemm ħadma.
“Iżda issa trid terfa’ r-responsabbltà. Kellek id-dover li tkun ċert li min għandek quddiemek u teħodlu b’idejh, ikun ħaqqu li jidħol fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tassigura li ma kontx qed tippoża ma’ kriminali li tressqu l-Qorti u ġew ikkundannati”, temm jappella lill-Ministru Abela.
Dwar l-emendi li qed jitressqu u li qed idaħħlu l-kunċett li l-persuni li fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jibdew jingħataw il-privileġġ tal-pensjoni wara 25 sena servizz bħall-membri fil-Pulizja u fl-Armata, Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni hi favur u tappoġġja dawn l-emendi.
Beppe Fenech Adami qal li dan il-kunċett kien iddaħħal u ngħata lura lill-Pulizija u lill-Armata, minn Gvern Nazzjonalista wara li kien gvern Laburista li fis-snin 80 kien neħħa dan id-dritt.
//= $special ?>