Raħal fi Queensland, fl-Awstralja, jista’ jitqies bħala l-iktar post li jara iħirsa hekk kif numru dejjem jikber ta’ residenti ta’ Toowoomba qed jirrekordjaw, b’filmati jew ritratti, dawk li qed jitqiesu bħala dehriet ta’ spirti li jkexkxu.
Minħabba f’hekk, f’Toowoomba, qed jiżdiedu dawk li jmorru fil-post apposta biex ifittxu l-iħirsa.
Kylie Samuels, li waqqfet il-grupp Toowoomba Ghost Chasers, qalet li r-raħal hu mimli iħirsa. Il-grupp iddokumenta għadd ta’ dehriet u poġġew filmati, ritratti u rekordings fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook.
Aaron Mulligan, li hu ffissat fis-suġġett, mar qrib stazzjon tal-ferrovija fejn mietu diversi nies matul is-snin u beda jgħajjat isimhom wieħed, wieħed. Qal li nnota bidla fl-enerġija ‘elettromanjetika’ billi rreġistraha b’K2 meter. Qal li meta għajjat lil ċertu Elizabeth Perkins, li mietet qrib l-istazzjon fis-snin ’20, il-meter xegħel u sema’ passi fil-qrib. Insista li kienet hi li għaddiet minn ħdejh.
Qal li ilu ffissat fis-suġġett għal għexieren ta’ snin u li jista’ jgħid li ż-żieda fl-attività paranormali f’dan ir-raħal qed tiżdied.
Raġel ieħor, Daniel Prentice, qal li kien għaddej miċ-ċimiterju, li minnu jgħaddi sikwit, meta poġġa bilqiegħda fuq bank fejn beda jħoss sensazzjoni stramba. Qal li ħin minnhom ġie mbuttat minn dahru u spiċċa fl-art u kellu l-marki fuq in-naħa ta’ wara ta’ dahru minn fejn ġie mbuttat.
Skont xi wħud, Toowoomba għandu din il-preżenza qawwija ta’ spirti minħabba l-ħafna vjolenza li seħħet hawn fil-passat, tant li xi wħud iddeskrivew ir-raħal bħala l-wild west ta’ Queensland.
//= $special ?>

