Ambjent Lokali

SKANDLU ZEKKA: Mal-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, il-Gvern ta żewġ proprjetajiet li jistgħu jinbidlu f’villa jew sala tat-tiġijiet

Il-fatt li l-propjetajiet kollha li ngħataw fid-deal jinten ta’ Strada Zekka huma f’postijiet strateġiċi, jikkonferma li l-propjetajiet intgħażlu minn min sar id-deal miegħu. Stqarr dan ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem iż-żewġ propjetajiet li l-Gvern ta bħala parti mill-iskandlu ta’ Strada Zekka.

Jason Azzopardi qal li l-għotja ta’ dawn il-propjetajiet hi xi ħaġa li turik li hemm suspetti qawwija ta’ korruzzjoni. B’referenza għaż-żewġ siti, Jason Azzopardi qal li f’dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet, ukoll jeżisti skandlu. Spjega li l-ewwel propjetà li ngħatat, il-Gvern ta valur ta’ kwart ta’ miljun ewro meta l-periti indipendenti tawha valur ta’ nofs miljun ewro.

Dwar it-tieni proprjetà, li ngħatat f’April, ukoll teżisti diskrepanza bejn kemm stmaha l-Gvern (€70,000) u kemm stmawha l-periti indipendenti (€150,000). Spjega wkoll kif meta tkun tmiss ma’ oħra tal-istess sid, propjetà jkollha valur akbar.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli qalet li l-propjetajiet li ngħataw mill-Gvern jinsabu fit-tarf taż-żona tal-iżvilupp u jgawdu veduta mill-isbaħ tal-baħar … ideali biex jiġu żviluppati f’villa kbira jew f’sala tat-tiġijiet.

U l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus irrefera għal dak li l-Prim Ministru Joseph Muscat qalit-Tnejn li għadda fil-Parlament, meta qal li hu għandu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka. Callus qal li l-Prim Ministru jrid jirrealizza li m’għadux ġurnalist tas-Super One, iżda llum hu l-Prim Ministru, u bħala l-Prim Ministru għandu jwieġeb il-mistoqsijiet u mhux jagħmilhom.