Edukazzjoni Lokali Parlament

Taħwid u nuqqas ta’ ppjanar fis-settur tal-edukazzjoni

Delużjoni fost l-għalliema li ġew imwiegħda ħafna affarijiet, iżda ndunaw li bejn id-diskors u l-fatti hemm baħar jikkumbatti

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino sejjaħ l-istat li jinsab fih is-settur tal-edukazzjoni bħala stat ta’ taħwid, nuqqas ta’ ppjanar u nuqqas ta’ konsultazzjoni.

Dan hu evidenti fil-laqgħat li l-Ministru qed jorganizza fejn l-ammont ta’ għalliema kienu waħdiet. Fisser ukoll li hemm delużjoni fost l-għalliema li ġew imwiegħda ħafna affarijiet, iżda ndunaw li bejn id-diskors u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja elenka fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, lista ta’ sitwazzjonijiet fis-settur edukattiv li l-ġenituri huma preokkupati dwarhom. George Pullicino semma laqgħat li kellu ma’ għalliema u ġenituri fejn esprimew il-preokkupazzjonijiet dwar il-qasam tal-edukazzjoni fejn irrimarkaw li filwaqt li hemm volontà mill-Gvern li l-edukazzjoni timxi ‘l quddiem, jidher ċar li hemm differenza bejn volontà u dak li qed isir u jinħass fir-realtà fl-iskejjel.

Ir-realtà hi li minkejja l-volontà, jeżisti nuqqas ta’ ppjanar u dan qed iwassal biex l-awtoritajiet jispiċċaw jaraw kif il-problema li ma jimmaġinawx li se jkun hemm għax ma pjanawx għaliha, imewtuha jew jindirizzawha meta jkun tard wisq.

Il-miżura biex tindirizza l-assenteiżmu ħolqot problemi flok soluzzjonijiet
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar diversi problemi fis-settur edukattiv, fosthom il-problema tal-assenteiżmu fl-iskejjel. Il-Gvern iddeċieda li jindirizza l-assenteiżmu b’miżura fiskali. Miżura li ħolqot sitwazzjoni li l-ġenituri ta’ tfal b’imġiba diffiċli jew b’passat ta’ attività delikwenti bdew jattendu l-iskejjel u sfrattaw klassi u skejjel sħaħ. Dan seħħ minħabba li ma kienx hemm servizzi u għajnuna lil dawn it-tfal biex ikunu megħjun jirritornaw lura l-iskola.

Spjega li l-problema tal-assenteiżmu ġejja mill-kultura u l-problemi u r-realtà tad-dar, u hu għalhekk importanti li l-ewwel jiġu indirizzati l-problemi ta’ dawn it-tfal. Bil-miżura li daħħal il-Gvern, ħoloq problemi li ġew fuqu u li ma kienx preparat għalihom għax ma pjanax. Appella għal persuni mħarrġa li jindirizzaw dawn il-problemi biex dawn it-tfal jintegraw fl-iskejjel b’mod tajjeb u għall-ġid tagħhom stess.

Tkellem ukoll dwar l-Alternative Learning Programme u dwar is-sitwazzjoni tal-lum wara esperjenza ta’ sena ta’ dan il-programm, bil-ġenituri jgħidu li beda mod u spiċċa mod ieħor. Sitwazzjoni li qed turi eżempju ieħor li min iddeċieda qiegħed biss jillampazza u jimmaniġġja skont is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tal-mument.

Iżżarmat skola speċjali u f’anqas minn sena trid terġa’ tinfetaħ
Preokkupazzjoni oħra li tkellem dwarha George Pullicino hi marbuta mal-Iskola Mater Dei fl-Imsida li kienet tilqa’ fiha tfal li jeħtieġu attenzjoni speċjali u b’tagħlim individwali, u li ngħalqet minn dan il-gevrn. Semma kif in-nuqqas ta’ pjanar hu evidenti wkoll fl-iskola speċjali Mater Dei li wara li l-Gvern għalaqha, anqas minn sena wara ddeċieda li jerġa’ jiftaħha. George Pullicino qal li dan hu eżempju ieħor ta’ kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet bla ppjanar u bla amminstrazzjoni serja.
Staqsa lill-Gvern jispjega kif wara li l-iskola għalqet u l-għalliema ġew sparpaljati, se jerġa’ jdaħħal l-għalliema u jekk hux se jintalbu li jiġu l-istess għalliema. Veru l-każ li mhux tħott knisja biex tarma oħra, iżda li tħott u wara terġa’ tara kif tista’ terġa’ tibni.

Ebda konsultazzjoni mal-edukaturi
Irrifera wkoll għar-rapport Respect for All Framework li suppost jgħin lill-edukaturi jindirizzaw il-kwisjtoni tal-bullying, l-attendenza u l-attitudni tal-iskola. Ikkritika lill-Gvern li ma ta ebda formazzjoni u informazzjoni lill-għalliema dwar dan u kkritika lill-Gvern li ma ddiskutiex dan ir-rapport mal-għalliema biex jiġi implimentat. Dokument li nħema kollox mill-Ministeru u llum m’hemm ebda ownership ta’ dawn il-policies mid-direttorati fil-Ministeru. Fin-nuqqas ta’ dan, mhux se jkun hemm implimentazzjoni tal-ħsibijiet ta’ dan id-dokument mill-edukaturi.

Il-Gvern ma ta ebda reazzjoni għall-proposti tal-Oppożizzjoni
Tkellem ukoll dwar inizjattiva tajba li ttieħdet fit-twaqqif tal-Istitut tal-Edukkazzjoni, bl-Oppożizzjoni tressaq żewġ emendi biex ikun hemm rappreżentanti fuq dan l-Istitut kemm mill-iskejjel tal-knisja kif ukoll mill-indipendenti. Emenda oħra kienet biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jinnomina wkoll persuna. Dwar dawn l-emendi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-edukazzjoni qal li kien jistenna li l-Gvern jagħti reazzjoni fuq emendi li mhumiex kontroversjali.

Anqas awtonomija u baġit anqas għall-iskejjel
Turija oħra ta’ nuqqas ta’ amministrazzjoni tajba fit-tul hi marbuta ma’ deċiżjonijiet li ttieħdu dwar it-tmexxija tal-kulleġġi.
Ikkritika d-deċiżjoni li 20% tal-baġit tal-Kulleġġi jmur għand il-Prinċipal tal-Kulleġġ u mhux direttament lill-iskejjel fil-kulleġġi. Il-kap tal-iskola issa jrid jiġġustifika kif u għaliex se jieħu dawn il-fondi. Ix-xiri tal-istationary se jsir ukoll mill-Prinċipal u mhux aktar mill-iskejjel. Id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk dan hux il-mod li nagħtu l-awtonomija lill-iskejjel jew hux il-mod u l-formula ta’ kif jinqata’ l-baġit għall-iskejjel.

Mossa ta’ tħassib fl-MCAST
Semma wkoll każ ieħor li dwaru l-Gvern għandu jwieġeb u li tkellmet ukoll dwaru l-MUT b’rabta ma’ sejħa għal Direttur tal-Institute for Ingineering and Transport fl-MCAST. George Pullicino kkritika d-deċiżjoni li tinħareġ sejħa esterna u mhux interna għal Direttur ta’ dan l-Istitut mingħajr lanqas biss ma sar assessjar taż-żewġ Diretturi tal-Istituti li qed jiġu amalgamati bit-twaqqif ta’ dan l-istitut ġdid. L-MUT wkoll irreaġixxiet għall-mod kif ħarġet is-sejħa u sejħet din bħala mossa biex jitneħħew in-nies u l-esperjenza biex jagħmlu wisa’ għal oħrajn ġodda.

George Pullicino rrimarka li din hi mossa wkoll biex tkompli tiżdied il-lista ta’ impjiegi għall-interessi partiġjani qabel l-interessi tal-istat. Mossa biex jinqeda xi ħadd tal-qalba b’mossa wkoll b’intenzjonijiet ħżiena u li toħloq tħassib.

Sabbatical leave għal anqas minn 1% tal-għalliema
Irrifera wkoll għall-għajta ta’ dan il-gvern dwar is-sabbatical leave u rrimarka li meta wieħed jara kif u kemm ġew ivvutati flus għal din l-inzijattiva, isib li hemm ivvutati għal mhux aktar minn 30 għalliem li jkunu jistgħu jieħdu sabbatical leave f’sena – 30 minn kważi 4,000 għalliem li jfisser anqas minn 1% tal-għalliema.

Ibaxxi l-istandards tal-universitajiet mingħajr konsultazzjoni
Semma eżempju ieħor ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni – il-mossa tal-Gvern biex ibaxxi l-istandards ta’ istituzzjoni edukattiva li tkun trid tissejjaħ università. Ikkritika mhux biss il-fatt li l-Gvern baxxa l-kriterji, iżda wkoll iddikjara li istituzzjoni tista’ tissejjaħ università anke fuq il-kriterju biss li jkun fl-interess nazzjonali. George Pullicino sejjaħ dan bħala każ ċar fejn il-Gevrn qed jagħmel l-almu tiegħu biex inaqqas l-istandards biex jissodisfa lil min il-gvern prova jagħmih bl-investiment.

Kien jistenna mill-Kummissjoni Għolja tal-Edukazzjoni tkun tassew professjonali. Fisser li hu ċar li mhux il-PN biss qed jikkritika dak li għamel il-Gvern, iżda wkoll l-MUT li fi stqarrija kkundannat b’mod ċar din il-mossa biex ibaxxa l-istandards u jattakka r-reputazzjoni tal-univeristà f’pajjiżna.

Hekk kif qara punti saljenti mill-istqarrija ta’ kundanna tal-MUT, George Pullicino qal li l-PN dejjem kien favur il-pluraliżmu anke fl-edukazzjoni terzjarja, u saħaq li kien il-Partit Laburista li kien kontra l-pluraliżmu fl-edukazzjoni. Il-PN se jkompli jiddefendi l-pluraliżmu fl-edukazzjoni fl-interess tal-għalliema u tal-istudenti li ma ħaqqhomx li r-reputazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni nitilfuha askapitu ta’ dan il-gvern.