Lokali

Triq Desain fil-Birgu : Il-Gvern jikkonferma li x-xogħol beda ġimgħa qabel l-elezzjoni u t-triq tħalliet nofs leħja

Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kkonferma li triq fil-Birgu li nqalgħet biex jinbeda x-xogħol fuqha ġimgħa qabel l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali tħalliet kif kienet, hekk kif ix-xogħol waqaf ftit wara.

Dan bil-konsegwenza li Triq Desain maqlugħa u abbandunata kif tħalliet, għamlet ġimgħat sħaħ fi stat ta’ periklu għar-residenti, apparti l-ħmieġ u t-trabijiet li dan ġab miegħu. Issa x-xogħol fuqha mistenni jerġa’ jibda fil-jiem li ġejjin.

F’ittra li bagħat bid-Dritt għal Risposta ghall-istorja li zvela il-gurnal in-Nazzjon, il-Ministeru kkonferma l-istorja u qal li wara l-ewwel fażi tal-proġett f’din it-triq – li kienet ta’ xogħol preparatorju, inkluż xogħol speċifiku mal-Enemalta – kellha tinbeda t-tieni fażi li tkopri l-kumplament tax-xogħlijiet ippjanati, fosthom aktar xogħol fuq is-servizzi u l-pavimentar. Imma din il-fażi ma bdietx minħabba dewmien mhux prevvist fil-proċess tal-akkwist.

Apparti li kkonferma li x-xogħol kien wieqaf, fit-tweġiba tiegħu l-Ministeru tat-Trasport u l-Infrasrtuttura ma nnegax lanqas li x-xogħol li tħalla nofs leħja kien inbeda lejliet l-elezzjoni għall-kunsill.

Fit-tweġiba tiegħu, wara l-istorja li ppubblika dan il-ġurnal, il-Gvern serraħ ras ir-residenti li x-xogħol se jkompli fil-ġranet li ġejjin. F’ammissjoni ċara u konferma oħra tal-fatti fl-istorja ta’ ‘In-Nazzjon’.

Minħabba l-istat li tħalliet fiha, f’din it-triq saħansitra dehru ġrieden jiġru, kawża li t-triq għamlet żmien twil maqlugħa, bil-katusi u tappieri tad-drenaġġ esposti. Dan b’żieda fir-riskju li jinxtered il-mard, apparti li t-tifrik fit-triq hu ta’ periklu li jaqa’ u jweġġa’ xi ħadd.

Triq Desain Pic 2