Lokali

Aġġornata: Studenta Franċiża tintlaqat minn mutur f’Birkirkara, it-tnejn l-Isptar għall-kura

Studenta Franċiża ta’ 24 sena sofriet feriti ħfief wara li ntlaqtet minn mutur waqt li kienet qed taqsam ma’ ħabiba tagħha fi Triq Dun Karm, Birkirkara. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8am, possibbilment meta ż-żgħażagħ kienu sejrin lejn l-Università ta’ Malta.

It-triq fejn sar l-inċident hi perikoluża ħafna u kienu diversi r-rapporti li saru fix-xhur li għaddew minħabba numru ta’ persuni li jaqsmu minn hemm, b’periklu għal saħħithom u ħajjithom.

Iż-żgħażagħ Franċiżi, residenti l-Imsida, ntlaqtu minn mutur misjuq minn raġel ta’ 47 sena mill-Imsida. Fil-post issejħu żewġ Ambulanzi li ħadu lill-Franċiża u lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Hemm, il-Franċiża ġiet iċċertifikata li sofriet minn feriti ħfief, filwaqt li l-kundizzjoni ta’ saħħet ix-xufier tal-mutur għadha mhux magħrufa. Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ Radio 101 qalu li r-raġel ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu.