Għawdex Lokali Parlament

Baġit ta’ nofs miljun għall-grounds f’Għawdex jitnaqqas għal kważi bin-nofs

Baġit ta’ nofs miljun ewro li Gvern Nazzjonalista kien ivvota fl-aħħar baġit tiegħu għal skema biex jgħin biex isiru l-grounds kollha ta’ Għawdex bit-turf artifiċjali, tniżżel kważi bin-nofs minn dan il-Gvern fl-aħħar sentejn.

Jirriżulta fi tweġiba li ngħatat fil-Parlament għal mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, li dan il-Gvern naqqas dan l-ammont għal €280,000.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, wieġeb li l-fondi vvutati fil-Baġit għall-2014 u f’dak għall-2015 kienu ta’ €140,000 kull sena – €280,000. Spjega wkoll li dawn il-fondi kienu sabiex jitjiebu l-faċilitajiet sportivi tal-klabbs.

Mill-ammont totali maqsum fuq dawn is-sentejn ittieħdet is-somma ta’ €200,000. Dawn il-fondi għaddew lill-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Għawdex (GFA ) fejn marru €20,000 għax-Xagħra; €15,000 kull wieħed għan-Nadur u l-Oratory Youths; €100,000 għal Kerċem Ajax; €40,000 lis-Sannat Lions u €5,000 kull wieħed lill-Victoria Hotspurs u Munxar Falcons.

Fir-rigward ta’ meta dawn il-faċilitajiet sportivi se jitlestew, il-Ministru Bartolo qal li dan jiddependi mill-klabb ikkonċernat. Il-fondi jitħallsu biss wara li jiġu ppreżentati l-irċevuti fiskali.

Jirriżulta wkoll li erba’ klabbs oħra, tal-Għarb, t’Għajnsielem; tal-Qala u ta’ SK Victoria Wanderers għadhom ma ngħatawx għajnuna u dawn bejniethom iridu jieħdu €80,000.