L-iskandlu fil-FIFA, żvelat fl-aħħar ġimgħat, ma jagħmilx ħsara biss lill-FIFA bħala organizzazzjoni imma wkoll lil setturi oħra, li fihom jaħdmu ħafna nies, bħall-midja, ix-xandir, il-marketing, u l-banek.
FIFA għandha wkoll rwol soċjali minħabba s-segwaċi tal-futbol madwar id-dinja li huma konsumaturi, għalhekk dak li ġara lill-organizzazzjoni jaffettwa lil ħafna nies.
Dan qalitu l-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia f’dibattitu fil-plenarja fi Strażburgu, li ddiskuta l-aħħar rivelazzjonijiet marbuta ma’ akkużi ta’ korruzzjoni fl-ogħla uffiċċji fi ħdan il-FIFA.
L-MEP Nazzjonalista qalet li l-allegazzjonijiet li ħarġu jqajmu mistoqsijiet dwar jekk il-FIFA tistax tirregola lilha nnifisha u jekk tistax tibqa’ ħielsa minn regolamentazzjoni minn barra. Dan għaliex, sostniet, l-isport ħafna drabi jirregola lilu nnifsu imma l-futbol qed juri li hu suġġett għall-istess affarijiet u effetti tas-swieq li jolqtu lil kull attività kummerċjali.
Comodini Cachia, li hi membru tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni responsabbli wkoll mill-isport, qalet li dawk kollha li jħobbu l-isport jixirqilhom l-ogħla livell ta’ integrità. Żiedet tgħid li l-UE kienet taf b’dan qabel ir-rivelazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-FIFA u għandu jiġi rikonoxxut li l-istituzzjonijiet Ewropej diġà ħadu azzjoni.
Sostniet li madankollu, dak li ġara juri l-importanza ta’ tmexxija tajba fl-isport biex mhux biss ikun hemm regoli ċari imma li dawn jiġu segwiti biex il-korruzzjoni tinżamm barra mill-isport.
Appellat għal iktar trasparenza u kontabilità biex tiġi ppreservata l-kredibilità tal-isport għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>