Internazzjonali

Fil-Brażil ħaddiem jitkeċċa għax ittortura kelb

Fil-Brażil, ħaddiem li jiġbor l-iskart tkeċċa minn xogħlu wara li nqabad jittortura kelb waqt il-ħin tax-xogħol.

Residenti ta’ triq partikolari raw lil Jadson James Franca, ta’ 35 sena, jitla’ fuq il-bankina fejn kien hemm kelb ferut, sawtu u beda jkaxkru għall-wisgħa tat-triq. Ir-resident raw lill-kelb imwerwer, u b’saqajh aktarx miksurin, jiġi marbut mat-trakk tal-iskart qabel ir-raġel tefgħu fin-naħa ta’ wara tat-trakk biex jitgħaffeġ ħaj.

Ritratti li ħadu residenti li raw ix-xena juru wkoll lill-kollegi ta’ Franca jidħqu u ma jwaqqfuhx. Il-kelb kien għadu ħaj meta t-trakk wasal lura fid-depożitu imma miet ftit wara minħabba l-feriti li kellu.

Ir-ritratti, li tqiegħdu fuq l-internet, qanqlu rabja kbira fost ħafna nkluż mill-preżentatriċi famuża tat-televiżjoni Brażiljana, Xuxa, li appellat lil iktar minn 4 miljun persuna li jsegwuha fuq Facebook biex jirribellaw għall-fatt li dan ir-raġel, li sejħitlu “mostru”, jista’ jappella minn multa li tingħatalu u jibqa’ raġel ħieles.

Is-sindku tal-lokalità fejn seħħ il-każ wieġeb li r-raġel tkeċċa mix-xogħol u l-kumpanija tal-iskart se tiffaċċja multa. Is-sindku kkritika wkoll lil min ġibed ir-ritratti u m’għamel xejn waqt li l-annimal kien qed jiġi ttorturat u maqtul.

Franca ngħata l-libertà proviżorja wara li ġie akkużat bi krudeltà aggravata fuq l-annimali. Għall-akkużi, hu wieġeb li għamel att ta’ karità lill-kelb li kien qed ibati ħafna u kien jeħtieġ li jiġi ssagrifikat.