Lokali

Il-Partit Laburista huwa kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista jinnota l-istqarrija li ħareġ il-President tas-Sezzjoni Kunsillieri Lokali tal-Partit Laburista Mario Fava.

Fl-istqarrija tiegħu iddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern li l-poter tal-infurzar lokali jkun għand individwu wieħed minflok għand individwi eletti mir-residenti. Hija ħasra li fl-għama tiegħu biex jiddefendi l-Partit fil-Gvern, l-istess Mario Fava qed idgħajjef il-pożizzjoni tiegħu bħala Kunsillier elett mir-residenti.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista f’isem il-Kuleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa favur il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li d-deċiżjonijiet jeħduhom dawk eletti mill-poplu, b’mod speċjali dawk fl-aktar livell viċin ir-residenti. Huwa nkwetanti ferm li l-Gvern ta’ Muscat mar kontra dan il-prinċipju, u minflok ħatar persuna tal-fiduċja tiegħu, mingħajr ebda konsultazzjoni dwaru, biex ikun hu li jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-infurzar lokali.

Il-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista jinnota li din id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, u turi biċ-ċar li l-Gvern irid jaħkem kollox taħt idejh u allura jdgħajjef il-Kunsilli Lokali. B’hekk l-istess Kulleġġ iħeġġeġ lil-Gvern biex jerġa’ jaħsibha, u jreġġa’ lura din id-deċiżjoni.