Lokali

Is-Segretarju Parlamentari jgħid li hemm kwoti għaċ-ċitazzjonijiet tal-Wardens, kumpanija tal-Gwardjani Lokali tiċħad

Din il-ġimgħa, waqt laqgħa pubblika indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, saret stqarrija importanti ħafna dwar il-Gwardjani Lokali, hekk kif Buontempo għamilha pubblika li jeżistu l-kwoti taċ-ċitazzjonijiet.

Dan ifisser li l-Wardens għandhom stabbilit ammont ta’ ċitazzjonijiet li jridu jagħtu kull siegħa. Din l-istqarrija ta’ Stefan Buontempo għandha piż kbir u mal-ewwel qajmet ħafna mistoqsijiet u dubji kbar dwar il-mod kif qed titmexxa s-sistema tal-Gwardjani Lokali.

Waqt l-edizzjoni tal-bieraħ tal-programm Newsfeed, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius u s-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina stqarrew li dan il-fatt, kif espress minn Stefan Buontempo, hu wieħed inkwetanti ħafna għax m’għandu qatt ikun hemm kwoti fuq iċ-ċitazzjonijiet tal-Wardens.

Iżda b’reazzjoni għal dak li qal Buontempo, iċ-Chairman tal-kumpanija Guard and Warden Services Kenneth De Martino sostna li huma qatt ma kellhom kwoti. F’intervista ma’ The Times, De Martino qal li m’hemm l-ebda kwoti li jimponu lill-Wardens joħorġu numru ta’ ċitazzjonijiet kuljum. Dan għaliex, skontu, il-kumpaniji tal-Gwardjani Lokali ma jitħallsux skont in-numru ta’ ċitazzjonijiet, iżda skont is-sigħat li jaħdmu.

Id-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Guard and Warden Services ikomplu jqajmu aktar mistoqsijiet għaliex is-Segretarju Parlamentari Buntempo semma’ l-kwoti taċ-ċitazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni diġà tkellmet pubblikament kontra l-Avviż Legali li se jbiddel is-sistema sħiħa tal-Wardens, li jkisser il-kunċett tas-sussidjarjetà.