Lokali

L-ISKANDLU TA’ STRADA ZEKKA: Din hija ‘ħanżirata’ f’post fejn hu magħruf għall-ħanżirati

Il-Prim Ministru għandu jgħid min iffirma biex saret din l-esproprjazzjoni

Aktar ma jgħaddu l-ġranet, aktar qed jiġu żvelati dettalji importanti dwar l-iskandlu ta’ Strada Zekka li jkomplu jikkonfermaw kemm dan id-deal jinten għandu riħa tinten ta’ korruzzjoni. Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet ftit metri biss ‘il bogħod mill-art li ngħatat f’dan l-iskandlu mill-Gvern f’Ħal Qormi, qrib iż-Żona Industrijali tal-Ħandaq.

Jason Azzopardi spjega d-dettalji tal-propjetajiet li ngħataw f’dan l-iskandlu fiż-żona ta’ Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ. Hawn biss ingħataw tliet propjetajiet li, filwaqt li tnejn minnhom imissu ma’ xulxin, l-oħrajn huma viċin ħafna. Dwar il-proprjetà f’Tal-Ħandaq, Jason Azzopardi qal li l-valur li għamel il-Gvern hu nofs dak li għamlu periti indipendenti li tkellmu ma’ ġurnal lokali. Filfatt, filwaqt li l-Gvern stma l-propjetà ta’ Ħal Qormi għal €192,000, il-periti indipendenti qalu li jekk din l-istess art tintuża’ għal skopijiet rurali, għandha valur ta’ €410,000, jiġifieri aktar mid-doppju. Din l-art għandha żona ta’ 10,000 metru kwadru.

Dwar iż-żewġ propjetajiet ta’ Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Mula, Jason Azzopardi qal li flimkien dawn għandhom żona ta’ aktar minn 25,000 metru kwadru. Qal li filwaqt li l-Gvern stma dawn l-artijiet għall-valur ta’ €375,000, il-periti indipendenti tawhom valur ta’ €815,000, jiġifieri ferm aktar mid-doppju. Spjega li ma’ din il-propjetà, hemm ukoll shooting range.

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li hu evidenti li l-artijiet kollha nvoluti f’dan l-iskandlu ġew magħżula u mhux ingħataw b’kumbinazzjoni. Spjegat li l-propjetà f’Ħal Qormi hi waħda diġà kontroversjali għax minbarra li ngħatat b’valur ferm anqas milli hu, The Times żvela li fuq din l-art hemm diġà bini li hu llegali u li jintuża’ għall-parties, jiġifieri li jsir il-flus minnu.

Marthese Portelli qalet li dan il-bini sar fuq art li kienet tal-Gvern, li l-persuna qabdet u kkapparat mingħajr ebda titolu. Min-naħa l-oħra, minflok ra kif għamel u enforza l-enforcement notice dwar dan il-bini llegali, il-Gvern qabad u ta l-art bħala parti minn dan il-deal jinten. Qalet li din hi verament ‘ħanżirata’, b’referenza għall-post li ngħata f’dan id-deal u li hu magħruf għall-ħanżirati.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus, li sfida lill-Prim Ministru biex jgħid minnufih min hu dak il-politiku (jekk mhux il-Prim Ministru nnifsu) li ffirma biex sar dan id-deal jinten seba’ pesti. Callus spjega li biex isir deal ta’ espropjazzjoni, irid ikun hemm politiku li ffirma l-kuntratt finali. F’dan id-dawl, sfida lil Muscat biex jgħid jekk kienx hu jew xi politiku ieħor li ffirma dan id-deal, kif ukoll jekk min iffirmah hux se jerfa’ r-responsabbiltà politika.