Lokali

L-MHRA b’appell għal aktar traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma la raħsu l-prezzijiet internazzjonali

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti f’Malta (MHRA) qalet li, filwaqt li tilqa’ r-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, qed tħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli jraħħashom ladarba l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt raħsu u l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-enerġija żdiedet.

Waqt l-analiżi li l-MHRA tagħmel kull tliet xhur, il-President Tony Zahra staqsa wkoll għaliex biż-żieda kontinwa fil-wasliet tat-turisti f’Malta, l-Air Malta għadha ġġarrab telf sostanzjali. Qal li xi ħadd irid ikun responsabbli mill-pjan ta’ ristrutturar, li sewa lill-kumpanija €230 miljun, li s’issa jidher li setgħu ntefqu aħjar.

Zahra wera tħassib ukoll għaż-żieda fl-akkomodazzjoni privata, bħal Airbnb, hekk kif qal li bħal f’barra minn Malta, qed jiżdiedu t-turisti li joqgħodu btala itwal f’akkomodazzjoni privata minflok ma jagħżlu li joqgħodu f’lukandi. Ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jassigura li ħadd ma jiġi żvantaġġjat, kif ukoll li jekk il-lukandi għandhom iħallsu liċenzji u jħarsu regolamenti partikolari, anke tal-akkomodazzjoni privati għandhom jagħmlu l-istess.

Il-President tal-MHRA appella lill-Gvern biex jaħdem aktar ħalli jħares l-industrija turistika, filwaqt li rrefera għax-xogħlijiet fi Pjazza Kastilja fil-Belt, fejn qal li t-turisti li jaslu hemm probabbli jistaqsu jekk waslux f’xi pajjiż tal-Istat Iżlamiku.

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant ta’ Deloitte David Bonnett spjega li ċ-ċifri għall-ewwel kwart tas-sena juru titjib għas-settur tal-lukandi, hekk kif it-turisti komplew jiżdiedu. Il-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel kellhom l-ewwel profitti f’ħames snin għall-ewwel kwart tas-sena.