Internazzjonali

L-OSCE mġiegħla tagħlaq l-uffiċċju tagħha fl-Ażerbajġan

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) qalet li l-Gvern tal-Ażerbajġan ordna biex tagħlaq l-uffiċċju tagħha f’Baku qabel il-bidu tal-Logħob Ewropew, fil-belt kapitali.
L-iżvilupp kien ikkonfermat wara li l-grupp Amnesty International ilmenta talli l-Ażerbajġan ipprojbieh milli jżur il-belt kapitali tiegħu.
Kelliema għall-Uffiċċju tal-OSCE f’Baku qalu li l-Gvern innotifika lill-Organizzazzjoni dwar l-intenzjoni biex jagħlqilha l-Uffiċċju ta’ Baku.
Fil-fatt, sar magħruf li l-OSCE ngħatat sa xahar żmien, effettiv mill-4 ta’ Ġunju li għadda, biex tagħlaq l-uffiċċju inkwistjoni.
Dan meta qed ikomplu t-taħditiet relatati fil-kwartieri ġenerali tal-OSCE fi Vjenna, fl-Awstrija.
L-Ażerbajġan, illum, jinawgura l-ewwel edizzjoni tal-Logħob Ewropew, li, bħala avveniment sportiv, hu ‘l-ekwivalenti Ewropew’ tal-Olimpjadi.
Din l-eks-Repubblika Sovjetika investiet riżorsi sostanzjali f’dan il-logħob, li jibqa’ għaddej sat-28 ta’ Ġunju. Ħafna mill-investiment mar fuq faċilitajiet state-of-the-art. Il-Gvern tal-Ażerbajġan qed jipprova jagħti l-impressjoni ta’ pajjiż modern li qed iħares ’il quddiem.
Sadanittant, l-attivisti lokali favur id-drittijiet umani kienu qed jittamaw li l-avveniment sportiv jiġbed l-attenzjoni internazzjonali għar-rekord miżeru tal-Ażerbajġan f’dak kollu li jirrigwarda d-dinjità tal-bniedem.
Madankollu, l-Amnesty International qal li kien imġiegħel iħassar żjara ppjanata li kellha ssir nhar l-Erbgħa f’dan il-pajjiż wara li l-Gvern tal-President Ilham Aliyev infurmah biċ-ċar li d-delegati tiegħu ma kinux se jkunu milqugħin qabel jispiċċa l-Logħob Ewropew.
L-Amnesty, li jservi l-funzjoni ta’ osservatur internazzjonali, kien qed jaħseb biex jenfasizza r-ripressjoni tal-Oppożizzjoni, il-ġurnalisti u l-attivisti taħt il-Gvern ta’ Aliyev.
F’rapport ġdid bl-isem ‘Azerbaijan: the Repression Games…The voices you won’t hear at the first European Games’, l-Amnesty sostna li l-kampanja mill-awtoritajiet tal-pajjiż fil-konfront ta’ dawk li qed jiddefendu d-drittijiet umani ħalliet lill-Ażerbajġan ‘nieqes mill-ilħna indipendenti’.