Fil-jiem li għaddew arkeologi mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għamlu sejba spettakolari ta’ 14-il qabar Puniku – li jmorru lura għall-perjodu tas-snin 300-400 Qabel Kristu – fis-sit fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet b’rabta mal-bini tal-estensjoni tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop.
Din is-sejba qed titqies bħala waħda ta’ valur kbir ħafna mhux biss għaliex f’sit wieħed instabu xejn inqas minn 14-il qabar, iżda għaliex mill-inqas tnejn minn dawn l-oqbra għadhom intatti.
Filwaqt li 12 mill-oqbra jidher li f’xi żmien ġarrbu interventi tan-nies li daħlu fihom u ħadu minnhom dak li sabu, jew inkella sofrew ħsarat jew kollass ta’ blat fuqhom, jirriżulta li tnejn mill-oqbra misjuba għadhom f’kundizzjoni perfetta u intatti għalkollox.
Fil-fatt jirriżulta li f’dawn iż-żewġ oqbra intatti għad hemm mhux biss l-iskeletri tal-persuni midfuna fihom, iżda wkoll elementi li jixhdu r-ritwal li kien osservat f’dik l-epoka tal-bniedem, li meta xi ħadd kien imut, kien jindifen u miegħu jitpoġġew ġarar u bombli bl-ilma, platti, anfori u pożati oħra tal-fuħħar.
F’wieħed minn dawn l-oqbra jidher li kienu midfuna żewġ persuni tant li minn investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li fih hemm żewġ skeletri. Fil-qabar l-ieħor intatt ukoll jidher li hemm il-fdalijiet ta’ skeletru wieħed fiċ-ċert. Fiż-żewġ każi, minbarra d-daħla imbarrata b’ġebla mdaqqsa, jidhru numru ta’ oġġetti tal-fuħħar.
Minn investigazzjonijiet li għamel il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ matul il-jiem li għaddew jirriżulta li s’issa l-arkeologi tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għadhom ma daħlux f’dawn iż-żewġ oqbra partikulari, u dan ifisser li l-investigazzjonijiet diretti għadhom ma bdewx. Nifhmu li dawn huma programmati li jibdew f’qasir żmien.
Jirriżulta li l-arkeologi huma entużjasti ħafna dwar din is-sejba li għalkemm mhix l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, hi waħda mill-aktar rari u għalhekk qed titqies bħala waħda mill-aqwa.
Wara din is-sejba, issa hemm volum kbir ta’ xogħol li jrid isir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, l-aktar bl-analiżi fid-dettall ta’ dak kollu li se jkun instab. Ladarba jinfetaħ id-dħul ta’ dawn l-oqbra, jibda proċess ta’ ffilmjar ta’ dak li se jinstab.