Kull ġurnata li tgħaddi fl-Italja, jinsterqu 151 bejn muturi u scooter. Dan ifisser 6 kull siegħa. L-iktar bliet li fihom isir dan it-tip ta’ serq huma Ruma, Napli u Milan fejn bejniethom jinsterqu 40% tal-muturi kollha.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana, ANSA, iċ-ċifri juru li 49% tal-muturi misruqa huma tad-ditta Honda jew Piaggio, l-iktar il-mudelli SH (9,832), imbagħad Scarabeo tal-Aprilia (4,651) u Liberty tal-Piaggio (3,870).
Il-Vespa tiġi fir-raba’ post (3,799), imbagħad il-Yamaha T-Max (1,423), Piaggio Beverly (1,385), Piaggio Ape (801), Kymco People (783), Yamaha Majesty (744) u MBK Booster (682).
Skont l-informazzjoni mogħtija, l-iktar diffiċli biex jinstabu lura kienu l-Booster (24% biss ġew irritornati), il-Vespa (25%) u t-T-Max (28%).
B’kollox, is-sena li għaddiet fl-Italja nsterqu 55,312-il mutur, li juru żieda żgħira fin-numru fuq dawk misruqa fl-2013. Il-forzi tal-ordni rnexxielhom isibu biss 33% tal-muturi misruqa, jew 18,437 meta s-sena ta’ qabel sabu 19,457.
F’Ruma, is-serq tal-muturi qed iseħħ l-iktar fl-inħawi tal-Belt tal-Vatikan, b’9,208 muturi misruqa fl-2014. Isegwu ż-żoni urbani ta’ Napli, b’7,430, Milan b’5,791, Palermo bi 3,189 u Ġenova b’2,538. Bejniethom, dawn il-ħamest ibliet ifissru 51% tas-serq kollu ta’ muturi fl-2014 fl-Italja.
//= $special ?>