Lokali Parlament

Bozoz mitfija u neqsin fir-Rabat

Il-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Pawl ilha mitfija minn Diċembru li għaddda

L-Enemalta ma kinitx infurmata li mhix qed issir manutenzjoni tad-dwal tal-ġnien f’Misraħ Patri Martin u Triq San Duminku fir-Rabat, Malta, fejn hemm bozoz li ilhom mitfija jew neqsin għal dawn l-aħħar xhur.

Kienet mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar lill-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, li nġibdet l-attenzjoni tal-Enemalta plc, bil-Ministru Mizzi jgħid li ma kinitx infurmata b’dawn il-ħsarat.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li issa li l-Enemalta taf b’dawn in-nuqqasijiet, qed issir il-manutenzjoni meħtieġa.

F’mistoqsija oħra, id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-istess Ministru jgħid għaliex il-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Pawl, fir-Rabat, u parti minn Triq San Pawl, ukoll fir-Rabat, Malta, ilhom mitfija għal dawn l-aħħar xhur, eżattament minn Diċembru 2014. Staqsa wkoll x’qed isir b’mod immedjat biex titranġa s-sitwazzjoni.

Għal din il-mistoqsija, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb biss li dawn il-lampi jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.