Ir-Rabat, Marsalforn, Għajnsielem u n-Nadur bl-akbar ċitazzjonijiet mill-Pulizija…. ebda ċitazzjoni f’Ta’ Pinu
Fis-sentejn u ħames xhur li għaddew, mill-2013 sal-lum, f’Għawdex ingħataw 30,345 ċitazzjoni tat-traffiku mill-Pulizija u mill-gwardjani lokali.
Iċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-Pulizija f’Għawdex matul is-sena li għaddiet kien aktar mis-sena ta’ qabel, biċ-ċitazzjonijiet jiżdiedu b’111, minn 2,198 fl-2013 għal 2,309 fl-2014.
B’kollox, fl-aħħar sentejn u ħames xhur ingħataw 5,458 ċitazzjoni bl-aktar li jingħataw ikunu fir-Rabat, f’Marsalforn, f’Għajnsielem u n-Nadur.
Dawn in-numru ta’ ċitazzjonijiet jiżdiedu maċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-gwardjani lokali fl-istess perjodu, li kien ilaħħaq l-ammont ta’ 24,887. L-aktar ċitazzjonijiet ingħataw fir-Rabat, f’Għajnsielem, fiż-Żebbuġ u fil-Munxar.
L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament għal mistoqsijiet li saru lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said.
Fl-2013, f’Għawdex il-Pulizija tat 2,198 ċitazzjoni; fl-2014 2,309; u din is-sena diġà ngħataw 951.
Jirriżula li l-Pulizija t’Għawdex tat l-akbar ammont ta’ ċitazzjonijiet fir-Rabat, b’total ta’ 3,124 ċitazzjoni fil-perjodu msemmi.
F’Marsalforn ingħataw 572; f’Għajnsielem 283; fin-Nadur 260; fix-Xlendi 243; fix-Xewkija 239; fl-Imġarr 236; fix-Xagġra 159; fil-Qala 61; fiż-Żebbuġ 55; fl-Għarb u fil-Munxar 53; f’Ta’ Sannat 40; fil-Fontana 35; f’Kerċem 25; fl-Għasri 12 u f’San Lawrenz 8.
Il-Pulizija ma tat ebda ċitazzjoni f’Ta’ Pinu.
Għal mistoqsija oħra mix-Shadow Minister għal Għawdex, jirriżulta li b’kollox hemm 132 pulizija stazzjonati f’Għawdex.
Minbarra Supretendent u żewġ spettturi, hemm ukoll tliet Surġenti Maġġuri tat-Tieni Klassi, 17-il Surġent, Surġent mara, 91 Kunstistabbli, 15-il Kunstistabbli mara u żewġ Kuntistabbli ta’ Riserva.
Għal aktar informazzjoni li ntalbet dwar il-Pulizija stazzjonati f’Għawdex, jirriżulta wkoll li fl-uffiċċju hemm disa’ pulizija, tmien Kuntistabbli u Surġent; fid-distretti jew fl-għasses hemm 70, tmien Surġenti u 62 Kuntistabbli; tmienja fil-lock-up, Surġent u seba’ Kuntistabbli; erba’ Kuntistabbli fl-Għassa ta’ Kemmuna; u 12 fl-Iskwadra Mobbli, erba’ Surġenti u tmien Kuntistabbli.
//= $special ?>