Ambjent Lokali

Filmat: Tgħeb is-sbuħija tal-Bajja s-Sabiħa, il-Gvern jirreaġixxi wara l-istorja fuq MaltaRightNow.com

Hekk kif l-istaġun tal-għawm jinsab magħna, ħafna huma dawk li bdew iżuru l-bajjiet ta’ pajjiżna għall-ewwel ċafċifa.

Madankollu, min iżur il-Bajja s-Sabiħa jista’ jara li din tidher li tilfet isimha. Almenu hekk juri filmat imtella’ fuq Facebook, li nġibed ilbieraħ waranofsinhar.

Il-persuna li tellgħet il-filmat ikkummentat li meta marret biex tniżżel lit-tfal jgħumu, irrealizzat li dan ma tantx kien possibbli minħabba ħmieġ qawwi tal-vapuri.

Fost il-persuni li kkummentaw, kien hemm min qal li din is-sitwazzjoni hi waħda “tal-mistħija” u li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa għandu jaġixxi dwar dan l-istat immedjatament.

Omm oħra, li wkoll ikkummentat dwar l-istess filmat, kitbet li meta t-tfal tagħha niżlu jgħumu ‘il barra miż-żona maħmuġa, xorta spiċċaw telgħu mill-baħar miksija biż-żejt u bil-bżieżaq ma’ ġisimhom kollu.

Il-Gvern jirreaġixxi wara l-istorja ta’ MaltaRightNow.com

Aġġornament: Il-Gvern irreaġixxa wara din l-istorja ppubblikata minn MaltaRightNow.com. Fi stqarrija, il-Gvern ikkonferma dak li rrappurtajna u qal li membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntbagħtu fil-post biex inaddfu l-Bajja.

Il-Gvern ikkonferma wkoll li minħabba dak li ġara, f’dan l-istadju l-Bajja mhijiex tajba għall-għawm. Għaldaqstant, il-Bajja ngħalqet temporanjament, hekk kif iż-żejt ħammeġ ukoll parti mir-ramla.

Il-ħidma tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li tidher li mistennija tieħu fit-tul, qed tinkludi l-użu ta’ makkinarji bħal absorbents u booms.

pr151366a