Futbol Sport

Iċ-Ċile jibdew b’rebħa kontra l-Ekwador

Iċ-Ċile bdew l-avventura tagħhom fil-Copa America b’rebħa ta’ 2-0 fuq l-Ekwador. Din is-sena l-Copa America qed issir fiċ-Ċile u t-tim qed jittama li jirbaħ il-kompetizzjoni għal-ewwel darba fl-istorja.

Il-partita kienet waħda fejn iċ-Ċile attakkaw filwaqt li l-Ewkador iddefendew u lagħbu bil-kontra attakk. Huma għamlu dan b’mod tajjeb sa tmiem l-ewwel taqsima imma fis-67 minuta ċ-Ċile ingħataw penalty meta l-midfielder ta’ Juventus Vidal twaqqa fil-kaxxa minn Bolanos u l-istess Vidal inakriga ruħu mill-penalty u ma żbaljax biex għamel l-iskor 1-0.

L-Ekwador kienu ferm viċin li jġibu d-draw meta daqqa ta’ ras ta’ Enner Valencia ħabtet mal-mimduda u sitt minuti mit-tmiem iċ-Ċile irduppjaw meta Sanchez approfitta minn żball fid-difiża avversarja, għadda l-balun lejn Vargas li skurja b’xut fil-baxx.

Il-partita intemmet fuq nota negattiva għaċ-Ċile meta s-sostitut Fernandez tkeċċa għal fawl fuq Juan Carlos Paredes. Dan ifisser li issa Fernandez se jkun sospiż għal logħba li jmiss kontra l-Messiku.