Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza mill-aktar fis possibli l-konfużjoni li hemm fl-amministrazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Dan il-Fond hu mmirat li jkun ta’ appoġġ lil dawk l-aktar vulnerabbli, hekk Malta rċeviet madwar €4 miljun għall-perjodu 2014-2020.
Madankollu, l-Gvern għad irid jiffinalizza d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid. MaltaRightNow.com tkellem max-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola u max-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici.
Roberta Metsola qalet li dan id-dewmien min-naħa tal-Gvern hu inaċċettabbli, l-aktar fid-dawl tal-fatt li dan il-programm għandu l-għan li jtaffi t-tbatija ta’ dawk li huma l-aktar milquta minn diffikultajiet f’pajjiżna.
Min-naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici qalet li għadu mhux ċar meta se terġa’ tibda titqassam l-għajnuna tal-programm il-ġdid, anke fid-dawl tal-fatt li teżisti inċertezza dwar min hu responsabbli minn dan il-Fond. Hi saħqet li l-Gvern għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jassigura li s-sitwazzjoni tinbidel mingħajr dewmien għall-ġid ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.
//= $special ?>