Issejjaħ l-għoti ta’ garanzija bankarja lill-konsorzju tal-bini tal-powerstation bħala ‘No Straightforward Matter’
Il-garanzija bankarja tal-Gvern lill-konsorzju privat li ngħata l-kuntratt biex jibni l-powerstation il-ġdida mhix xi ‘straightforward matter’. U l-Gvern, fl-aħjar interess nazzjonali għandu jgħid ċar x’inhuma l-fatti kollha f’din il-kwistjoni sabiex jiġu interpretati b’mod oġġettiv.
Dan l-appell għat-trasparenza għamlitu l-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża fi stqarrija li ġġib l-istess titlu “No Straightforward Matter”.
Il-Kamra qalet li hi qed tagħmel kull tip ta’ tentattiv biex issir taf x’inhuma l-fatti f’dan il-każ għax fl-opinjoni tagħha dan il-proġett tal-powerstation hu element kruċjali fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija.
Dan apparti li għall-komunità tan-negozju, provvista tal-enerġija stabbli u bi prezzijiet li jilħaqhom kulħadd hi ta’ interess strateġiku u ekonomiku.
Il-Kamra awgurat li l-Kummissjoni Ewropea tinterpreta s-sitwazzjoni f’dan il-kuntest wiesa’ u meta tiġi biex tieħu pożizzjoni formali dwar il-powerstation il-ġdida li jrid jibni l-Gvern, tikkunsidra l-ftehim kontemplat fit-tender oriġinali li huwa magħruf bħala s-“Security of Supply Agreement”.
Jekk il-Kummissjoni tagħti l-kunsens tagħha, tkompli l-istqarrija, allura jkun ifisser li l-garanzija bankarja ta’ €88 miljun lil min se jidħol għall-bini tal-powerstation ma jkunx hemm bżonnha u tkun biss xi ħaġa temporanja.
Il-Kamra tal-Kummerċ appellat biex jinstab il-forum adattat u l-Gvern jagħmel preżentazzjoni dettaljata tal-proġett u jagħti l-ispjegazzjonijiet meħtieġa biex iserraħ ras kulħadd f’ġieħ it-trasparenza.
“Aktar dewmien biex jingħataw id-dettalji sħaħ tal-fatti fuq din il-materja jkompli jżid id-dubji bla bżonn fil-pajjiż”, temmet tgħid il-Kamra.
//= $special ?>