L-uniku ħaġa li ħalla warajh il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar immexxi mill-Partit Laburista hu dejn kbir ta’ kważi nofs miljun ewro, li se jkollu jagħmel tajjeb għalih il-Kunsill ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Kunsillieri Nazzjonalisti f’San Pawl il-Baħar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif il-Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Laburista ħalla sitwazzjoni finanzjarja inkwetanti. Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea spjegat li l-Kunsill Lokali preċedenti spiċċa l-2014 b’dejn ta’ ftit aktar minn €150,000.
Agħar minhekk, fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, waqt kampanja elettorali, il-Kunsill Lokali Laburista żied in-nefqa tiegħu, tant li d-dejn żdied b’€274,000 biex issa jlaħħaq l-€425,000. Spjegat li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali Laburista għamel spejjeż ta’ darba u nofs tal-allokazzjoni li l-Kunsill Lokali jingħata mill-Gvern Ċentrali.
Dan jikkuntrasta ma’ meta kien hemm it-tranżizzjoni mill-Partit Nazzjonalista għall-Partit Laburista, fejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kellu bilanċ posittiv ta’ €184,418. Is-Sindku semmiet ukoll li jidher li l-Kunsill Lokali għadu ma rċeviex il-kontijiet kollha ta’ xogħlijiet li setgħu saru qabel l-elezzjoni ta’ April.
Il-Kelliem għall-Kunsilli Lokali insista li l-Gvern mhuwiex jalloka biżżejjed fondi għall-Kunsilli Lokali, tant li bosta Kunsilli qed jilmentaw li m’għandhomx flus biex iwettqu l-ħidma bażika ta’ kuljum.
David Agius rrefera għall-eks Sindku Laburista ta’ Ħal Tarxien, li saħansitra spiċċa rriżenja mill-kariga minħabba li ma kellux biżżejjed flus biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma u d-dover tiegħu bħala Sindku.
//= $special ?>