Internazzjonali

L-AWSTRALJA: Twissija li l-ISIS irid l-armi kimiċi

Il-Ministru Awstraljan għall-Affarijiet Barranin, Julie Bishop, wissiet li l-ġellieda tal-ISIS urew li huma ppreparati biex jużaw l-armi kimiċi u x’aktarx li huma diġà rreklutaw magħhom espert biex jibnuhom.

Bishop kompliet li l-Gvern Awstraljan ma jiddubitax li l-ISIS, fl-aħħar erba’ snin, uża l-kimiċi, fosthom in-nerve gas Sarin bħala parti mill-kampanja qattiela tiegħu.

Skont Bishop, wieħed jiżbalja jekk jaħseb li l-iskop tal-ISIS biex jikseb u jiżviluppa l-armi kimiċi jibbaża fuq sempliċi xewqa. Dan għaliex l-azzjonijiet tal-grupp żvelaw sforzi serji biex jintlaħaq it-tragward. Il-Ministru Awstraljan irreferiet ukoll għar-reklutaġġ (mill-ISIS) ta’ nies professjonali bl-aqwa taħriġ tekniku li jinkludi persuni mill-Punent.

Fi żvilupp ieħor, il-Prim Ministru Awstraljan, Tony Abbott, ħeġġeġ lill-pajjiżi mir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku biex jiġġieldu kontra l-entitajiet ġiħadisti, filwaqt li wissa li l-ISIS għandu ‘ambizzjonijiet globali’.

F’diskors li għamel f’Sydney, Abbott irrefera għall-ISIS bħala kolt tal-mewt li qed jipprova jinfirex lejn iz-zoni l-ġodda. Hu wissa li l-ISIS, jekk jista’, se jipprova jilħaq lil kull persuna u kull Gvern biex iwasslilhom messaġġ sempliċi – li huma jċedu għal dak li jridu l-ġiħadisti, inkella jinqatlu.

Abbott, li kien qed jindirizza konferenza dwar kif wieħed jikkonfronta l-propaganda terroristika, saħaq li wieħed ma jistax jinnegozja ma’ entità bħall-ISIS u li l-unika possibbiltà hi li tiġġildilha bħala s-simbolu ta’ terroriżmu bl-ambizzjonijiet globali.