Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Il-ġlieda kontra l-ISIS swiet $2.7 biljun

L-Istati Uniti nefqet aktar minn $9 miljun kuljum fuq il-gwerra kontra l-ISIS, minbarra li ‘investiet’ maż-$2.7 biljun fil-kampanja ta’ bumbardamenti fuq il-ġiħadisti mill-bidu tagħha. Intant, il-koalizzjoni internazzjonali taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti ilha minn Awwissu tmexxi l-attakki mill-ajru fuq l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.
L-ewwel reviżjoni tal-ispejjeż tal-Istati Uniti f’dan il-każ ingħatat mill-Pentagon u turi li żewġ terzi mill-ispiża totali marret fuq il-qawwiet tal-ajru.
Iċ-ċifri ħarġu waqt li l-Kungress Amerikan ċaħad leġiżlazzjoni li tipprojbixxi aktar infiq.
Sadanittant, il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington approvat in-nefqa ta’ $579 biljun fuq id-Difiża. Fl-istess ħin, il-Kamra ċaħdet emenda li tappella biex jieqfu l-flus għall-ġlieda kontra l-ISIS dment li l-Kungress ma jgħaddix awtorizzazzjoni ġdida għall-użu tal-forza.
Hu minnu wkoll li l-ispiża tal-kampanja tal-militar Amerikan kontra l-ISIS żdiedet b’mod sostanzjali mindu daħlet fis-seħħ, fl-Iraq, f’Awwissu li għadda.