L-Union tal-Akkademiċi fl-Università ta’ Malta (UMASA) tingħaqad mal-lista ta’ entitajiet li esprimew riżervi serji dwar l-Avviż Legali 150/2015 biex jinbidlu l-kriterji biex istituzzjoni titqies bħala Università. Fi stqarrija, l-UMASA esprimiet it-tħassib tagħha l-aktar fl-użu tat-terminu “fl-interess nazzjonali”, tant li qalet li dak l-Artiklu partikolari fl-Avviż Legali għandu jitneħħa għal kollox.
Bħala assoċjazzjoni professjonali ta’ akkademiċi, l-UMASA awgurat li l-ħin iddedikat għar-riċerka fl-Università ta’ Malta jkun imħares fl-iżvilupp ta’ regoli ddettaljati li japplikaw fil-governanza tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżna.
L-UMASA qalet li l-Università ta’ Malta għandha obbligu nazzjonali biex tkompli toffri programmi ta’ studju u oqsma ta’ riċerka, li mhux bil-fors huma kummerċjalment attraenti iżda li xorta jridu jibqgħu jagħmlu parti mill-portafoll estensiv, wirt kburi u reputazzjoni internazzjonali tal-Università ta’ Malta.
Kull politika dwar il-pluraliżmu fl-edukazzjoni li qed tinħema għandha tirrispetta l-missjoni speċjali tal-Università ta’ Malta b’servizz lejn il-komunitajiet lokali.
//= $special ?>

