Lokali

Malta bit-tieni l-akbar tnaqqis fil-produzzjoni industrijali

Ċifri maħruġa mill-Eurostat juru li f’April Malta kellha tnaqqis ta’ 3.8 fil-mija fil-produzzjoni industrijali, li jfisser it-tieni l-akbar tnaqqis minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE.

L-istatistika turi illi filwaqt li fiż-Żona Ewro u fit-28 stat membru kien hemm żieda ta’ 0.1 fil-mija fil-produzzjoni industrijali, mhux l-istess jista’ jingħad għal pajjiżna. Meta wieħed iqabbel April 2015 ma’ Marzu 2015, f’Malta l-produzzjoni industrijali naqset għat-tielet xahar konsekuttiv.

Meta wieħed iħares lejn il-pajjiżi kollha tal-UE, tispikka iż-żieda fil-produzzjoni industirjali reġistrata fil-Litwanja, l-Iżvezja u l-Portugall. L-akbar tnaqqis kien reġistrat fil-Kroazja, Malta, il-Greċja u l-Polonja. B’Malta tiġi saħansitra f’pożizzjoni agħar mill-Greċja, fejn it-tnaqqis f’dan il-pajjiż kien ta’ 2.3 fil-mija.

Huma ħafna dawk illi janalizzaw dawn iċ-ċifri bħala turija ta’ kriżi industrijali li qed tħalli impatt fuq il-familji u toħloq ċirku vizzjuż. Din is-sitwazzjoni tfisser inqas opportunitajiet ta’ xogħolu ta’ overtime – kollha fatturi li jħallu anqas flus fil-but. Mhux ta’ b’xejn li xahar wara l-ieħor qed tonqos il-fiduċja u x-xiri tal-konsumaturi mill-ħwienet.