Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal omm li ħalliet lil bintha ta’ 9 xhur fil-banju u għerqet

Omm tarbija ta’ disa’ xhur, li fl-2012 għerqet fil-banju f’Bormla, ingħatat sentenza sospiża mill-Qorti wara li l-Maġistrat qieset li l-omm batiet l-agħar kastig li setgħet tiffaċċja minkejja li t-tarbija mietet b’negliġenza tagħha.

L-awtopsja kienet ikkonfermat li t-tarbija, Roselana, mietet meta waqfitilha qalbha kaġun tal-kwantità ta’ ilma li belgħet. L-omm, li dak iż-żmien kellha 17-il sena, dak il-ħin kienet f’kamra oħra fuq Facebook u li kienet ilha mill-inqas siegħa titkellem ma’ ħabiba tagħha permezz ta’ chat. Il-Pulizija kienu sabu l-banju, li fih kien hemm it-tarbija, mimli sa fuq bl-ilma.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li semgħet il-każ b’bibien magħluqa, qieset lill-omm ħatja li b’negliġenza wasslet għall-mewt ta’ bintha. Tatha sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiżi għal tliet snin, u tliet snin ordni ta’ superviżjoni biex tindirizza problemi li għandha.

Il-Maġistrat qieset ukoll li l-omm għamlet l-aħjar li tista’ biex trabbi lil bintha bl-aħjar mod possibbli iżda ma kienx biżżejjed biex tevita l-inċident. Qieset ukoll l-età li kellha u li kellha trobbija diffiċli.

L-Ispettur Robert Said Sarreo mexxa l-Prosekuzzjoni waqt li l-avukati Michael u Lucio Sciriha dehru għall-omm.