Internazzjonali

Tfajjel seta’ dam ‘il-ġranet’ mal-katavru ta’ ommu

Il-Pulizija fl-Iskozja qed jinvestigaw is-sejba traġika ta’ tfajjel ċkejken li kien waħdu mal-katavru ta’ ommu li, fl-eta ta’ 28 sena, instabet mejta ġol-appartament tagħha, fl-inħawi ta’ Perth.

It-tfajjel ta’ tlett snin, Mason Martin, instab wara li l-pulizija sfurzat ‘il ġewwa l-bieb tal-appartament fejn kienet qed tgħix din il-familja. Kien anki hemmhekk li l-pulizija inzertaw il-katavru ta’ Lydia Macdonald, li kienet omm it-tfajjel.

L-investigazzjonijiet ma żvelawx ‘kemm it-tfajjel seta’ kien ilu f’dik is-sitwazzjoni’, bid-detektivs ma jikkummentawx dwar l-għajdut li Mason ‘kien ilu diversi ġranet waħdu f’dak l-appartament’.

Il-ġirien ta’ Lydia Macdonald spiċċaw inkwetati wara li kienu ilhom ma jaraw lill-omm ( li qalu li kienet ‘iffissata fuq binha’) għall-ġranet sħaħ. Huma, imbagħad, sejħu lis-servizzi tal-emerġenza li waslu fuq il-post u kkonfermaw is-sejba makabra. Missier Lydia qal, aktar tard, li bintu x’aktarx li mietet minn attakk tal-asthma, iżda dan għad irid ikun ikkonfermat.