Internazzjonali Unjoni Ewropea

Tkompli l-inċerteżża minħabba l-Greċja

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) issospenda l-parteċipazzjoni tiegħu fit-taħditiet dwar il-bailout tal-Greċja. Dan il-pass drammatiku jista’ jhedded il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Ateni fil-jiem li ġejjin. Għaldaqstant, il-Greċja, issa, spiċċat f’sitwazzjoni li taċċetta l-kundizzjonijiet jew tibqa’ b’li għandha, fid-dawl tal-kriżi fiskali.
Kelliema għall-IMF qalu li għad hemm differenzi kbar bejn il-Greċja u l-kredituri internazzjonali f’numru ta’ oqsma importanti. Dan meta fost l-akbar problemi qed jissemmew il-VAT u l-kwistjoni tal-pensjonijiet fil-Greċja. Il-kelliema jsostnu li s’issa ma sar l-ebda progress fl-impenn biex jonqsu dawn id-differenzi.
L-IMF, flimkien mal-Unjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) – iż-żewġ kredituri l-oħra tal-Greċja – irid jiddeċiedi dwar is-self ta’ 7.2 biljun ewro lil Ateni, u l-qbil irid iseħħ qabel l-aħħar ta’ Ġunju.
F’każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-pakkett tar-riformi li trid timplimenta l-Greċja – u li għandu ‘jattiva’ dan is-self – il-pajjiż inkwistjoni mistenni jispiċċa f’xifer il-falliment.
Intant, il-kelliema għall-IMF għamluha ċara li l-ballun issa qiegħed f’saqajn il-Griegi, u s-swieq tal-Ewropa rreaġixxew b’mod negattiv għal din l-aħħar aħbar.