Lokali

165 ħaddiem mal-WSC mill-elezzjoni ‘l hawn

Mill-elezzjoni sal-lum il-Gvern impjega 165 ħaddiem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Meta din il-ġimgħa fil-Parlament twieġbet mistoqsija parlamentari dwar kemm din il-Korporazzjoni tal-Gvern impjegat nies ġodda mill-elezzjoni ‘l hawn u li tressqet mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, il-Ministru Konrad Mizzi responsabblii mill-Korporazzjoni, ma kienx preżenti u kien qiegħed iwieġeb f’ismu s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ Konrad Mizzi, Chris Fearne.

Fit-tweġiba bil-miktub li ppreżenta fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx lanqas dwar kemm kienet iż-żieda fil-pagi u s-salarji frott ta’ dawn iż-żidiet ta’ impjiegi fil-Korporazzjoni. Lanqas ma wieġeb kemm minn dawn l-impjiegi ġodda saru wara sejħa pubblika, u kemm kienu l-impjiegi li għalihom ma ħarġet ebda sejħa.

Fost dawn l-impjiegi, tispikka l-kariga li nħolqot ta’ Architect Pipelaying.

Dan in-numru ta’ 165 impjieg li ddaħħlu mill-elezzjoni ‘l hawn fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jingħaqdu ma’ mijiet oħrajn li kienu impjegati mill-Gvern Laburista u li bihom splodew l-impjiegi fis-settur pubbliku.

Ma’ dawn l-impjiegi splodiet ukoll in-nefqa fis-salarji tal-ħaddiema fis-settur pubbliku. Nefqa li l-Gvern qiegħed jibqa’ jżomm fommu sieket u ma jweġibx b’kemm qed tiżdied.

Matul il-leġiżlatura li għaddiet, l-impjiegi fis-settur pubbliku kienu jonqsu u mhux jiżdiedu – politika li kienet rat lis-settur privat ikabbar l-attività ekonomika, jinvesti u joħloq ix-xogħol.

Illum, taħt dan il-Gvern, is-siitwazzjoni hi bil-maqlub, qed jiżdiedu l-impjiegi mal-Gvern u tiżdied in-nefqa fis-salarji.